Multa ta’ €5,000 għall-HSBC wara li fittxet f’kont ta’ impjegat

Il-bank HSBC weħel multa ta’ €5,000 mill-Kummissarju għall-Protezzjoni tad-Data wara li fittrex u mmonitorja kont bankarju ta’ impjegat sabiex jikkonferma jekk dan kienx qed jirċievi pagi minn x’imkien ieħor minbarra l-bank inniffsu.

L-impjegat kien allega li l-bank beda jħuf fuq id-data tal-kont bankarju tiegħu, filwaqt li beda jsegwih u jara dak kollu li qed jagħmel fuq il-media soċjali. Intant, l-impjieg tiegħu mal-bank kien ġiet terminat f’Diċembru tal-2018, ftit wara li beda l-Independent Bankers’ Union.

Il-Kummissarju Saviour Cachia sema kif fl-2013, l-impjegat talab il-permess sabiex ikun jista’ jagħmel xogħol part time. Minkejja li l-bank aċċetta li dan isir, aktar tard beda jaħseb li x-xogħol li kien qed isir kien bi ksur tal-policies tal-bank. Il-Kummissarju sab li l-bank, bħala parti mill-investigazzjonijiet interni, beda ħidma sabiex jara jekk l-impjegat kienx qed jirċievi paga minn x’imkien ieħor mingħajr mal-impjegat inniffsu ġie mgħarraf li l-kontijiet bankarji tiegħu kienu jinsabu taħt investigazzjoni.

Intant, il-Kummissarju investiga wkoll ilment tal-istess impjegat li qal li l-bank iproċessa żewġ posts tiegħu fuq il-media soċjali fiż-żmien meta ġie sospiż minn xogħolu. Waħda mill-posts kienet meqjusa bħala defamatorja u l-bank kien beda proċeduri legali li aktar tard ġew imwaqqa’. Madanakollu l-impjegat ġie mgħarraf li l-ilment tiegħu f’dan il-każ ma kienx jgħodd hekk kif kien jaf bil-policy tal-bank dwar l-użu tal-media soċjali.