Multa ta’ €50 għal min ma jilbisx maskra fuq tal-linja u fuq il-Gozo Channel

Read in English.

Min ma jilbisx maskra f’postijiet fejn ikun hemm ħafna nies, bħall-karozzi tal-linja, il-ħwienet u fuq il-Gozo Channel, se jiġi mmultat €50.

Is-Supretendent tas-Saħħa Pubblika Prof. Charmaine Gauci wissiet dwar dan waqt laqgħa li tal-Kunsill Malti għall-Ekonomija u l-Iżvilupp Soċjali (MCESD) li saret ilbieraħ u damet għaddejja tmien sigħat.

Fiha baqa’ ma ntlaħaqx qbil bejn l-Assoċjazzjoni Medika Maltija (MAM) u l-Gvern dwar l-attivitajiet tal-massa. Il-MAM, għalhekk, ħabbret li l-istrajk tat-tobba se jkompli llum għat-tieni jum konsekuttiv, billi llum mistennija titħabbar qabża rekord fil-każijiet tal-coronavirus.

Fi stqarrija li ħarġet dalgħodu, il-MAM qalet li l-proposti tal-Gvern biex l-attivitajiet tal-massa jitħallew isiru iżda b’xi limiti mhumiex sodisfaċenti. Il-Gvern, pereżempju, ippropona li l-attivitajiet isiru b’limitu ta’ 60 persuna ġewwa u 100 persuna barra. Il-MAM uriet apprezzament li l-Prim Ministru Robert Abela qed jinsisti fuq l-infurzar, imma fl-istess waqt, ikkundannat l-użu tat-tiġijiet bħala skuża biex dawn l-attivitajiet jibqgħu jsiru.

F’kummenti lill-midja fi tmiem il-laqgħa, il-Prim Ministru Robert Abela qal li l-attivitajiet tal-massa mhumiex se jsiru ħlief għal attivitajiet bħal tiġijiet. Issemma wkoll li l-ħinijiet tal-viżitaturi fl-Isptar Mater Dei se jerġgħu jiġu ristretti, u għandhom jinfetħu żewġ ċentri ġodda fejn isiru t-testijiet tal-coronavirus billi d-domanda hija waħda għolja ħafna.

Mil-lum, il-Prof. Gauci se terġa’ tibda tagħti aġġornamenti dwar il-coronavirus lill-midja u lill-pubbliku permezz ta’ xandira live fuq it-televixin.