Multa ta’ €35,000 għad-diretturi ta’ kumpanija wara l-mewt ta’ ħaddiem

Id-diretturi ta’ kumpanija tal-kostruzzjoni ngħataw multa ta’ madwar €35,000 bejniethom wara li nstabu li kienu responsabbli għall-mewt ta’ raġel li waqa’ madwar disa’ sulari fl-2007.

James Aquilina kien miet madwar ġimgħatejn wara li kien beda jaħdem mal-kumpanija Devlands Limited. Miet jum wara li għalaq is-27 sena fi Triq it-Tamar fil-Qawra.

Id-diretturi ta’ Devlands, Charles Deguara mill-Iklin, Martin Deguara min-Naxxar, Brian Micallef mill-Mosta, u Emmanuel Micallef mill-Mosta, flimkien mal-foreman Antoine Mallia minn Birkirkara nstabu ħatja talli involontarjament ikkawżaw il-mewt taż-żagħżugħ. Huma għandhom 71, 63, 40, 70, u 46 rispettivament. Instabu wkoll ħatja li ma kienux ħadu l-prekawzjonijiet kollha meħtieġa.

Id-diretturi u l-foreman qalu li ma kienux reponsabbli għall-mewt tal-ħaddiem. Qalu li kien traskurat. Allegaw ukoll li peress li kien għadu kemm għalaq is-27 sena, probabbli kien ħareġ il-lejl ta’ qabel. Tabib kien iċċertifika li ma kienx hemm livelli sinifikanti ta’ xorb fid-demm tar-raġel.

Kull direttur ingħata multa ta’ €7,000 u l-foreman laqqat multa ta’ €6,750.