Multa ta’ €250 jekk toqgħod bilqiegħda fuq dan it-taraġ f’Ruma

Nhar it-Tlieta fuq it-taraġ f’Ruma magħruf bħala l-Ispanish Steps li jwassal għall-Piazza di Spagna bdew jidhru pulizija jsaffru lit-turisti biex ma jpoġġux bilqiegħda fuq it-turġien.

Il-Pulizija ngħataw ordni biex ma jħallux nies joqogħdu bilqiegħda hemm għaliex kienu qed iħammġu l-post bil-fdalijiet tal-ikel u l-loqom tas-sigaretti. Mhux hekk biss, imma kienu qed jagħmlu ħsara lit-taraġ meta jġorru fuqu bagolli bir-roti u pushchairs li huma ta’ dannu għal dan il-lok li hu meqjus Wirt Dinji mill-Unesco li nbena fis-Seklu 18.

Minbarra li ħadd m’għandu jpoġġi bilqiegħda fuq it-taraġ ħarġu miżuri oħra għal dawk l-inħawi bħal li wieħed m’għandux jippassiġġa żaqqu barra jew jaqbeż fil-funtana li hemm isfel fit-tarf tat-taraġ.

Il-miżura tal-piena ta’ €250 xejn ma niżlet tajjeb mill-assoċjazzjoni tal-lukandi f’Ruma. It-turisti, skont huma, qed jitqiesu bħala kriminali u din minbarra li hi liġi assurda, li tkeċċi lit-turisti milli jżuru l-post.

Il-monument kien disinjat mill-Perit Francesco de Sanctis bejn l-1723 u l-1726 u sar restawr fuqu fl-2016 bi spiża ta’ €1.5 miljun. Fl-1953 dan it-taraġ kellu parti integrali fil-film Roman Holiday bi Gregory Peck u Audrey Hepburn li għalih kienet rebħet Oscar.