Multa minħabba kummenti ta’ Norman Lowell dwar tfal b’diżabbiltà

Facebook

L-istazzjon televiżiv F Living ġie mmultat €1,160 wara li fil-programm ‘Attwali’ li xxandar fil-5 ta’ April li għadda, il-Kap tal-Imperium Ewropa Norman Lowell għadda kummenti li bihom seta’ jnissel mibgħeda bbażata fuq razza, reliġjon u nazzjonalità. Fi stqarrija, l-Awtorità tax-Xandir qalet li Lowell għadda kummenti fejn assoċċja l-aggressività mal-Musulmani u l-Afrikani.

L-Awtorità qalet li matul dan il-programm, il-preżentatur staqsa lil Norman Lowell dwar it-twemmin tal-Imperium Ewropa li jemmen li  “persuni b’diżabilità severa jew mentalment difettużi jew jiġu abortiti jew jinqatlu b’mod ħanin siegħa wara li jitwieldu”. Skont l-awtorità dan imur kontra l-paragrafu 13(2)(a) tal-Att dwar ix-Xandir minħabba li huma kummenti offensivi għas-sentimenti pubbliċi.

Il-Kap Eżekuttiv tal-Istazzjon F living Karl Bonaci qal li b’dan il-programm l-istazzjon kien qed josserva d-direzzjoni tal-Awtorità billi jagħti spazju lill-mexxejja tal-partiti differenti li se jikkontestaw l-elezzjoni u għalhekk tinżamm ħajja d-demokrazija. Bonaci qal li dan il-programm kien qed jirrispetta l-libertà tal-espressjoni. Żied li ċ-ċittadin għandu dritt li jkun jaf x’kien qed jgħid Lowell biex ikunu iktar infurmati aħjar għal min se jivvutaw.

L-awtorità qalet li wara tkellmet mal-partijiet kollha, kif ukoll rat deċiżjoni preċedenti tagħha ddeċidiet li għalkemm huwa importanti li wieħed iħares il-libertà tal-espressjoni, dan id-dritt mhuwiex assolut. Hija qalet li fuq dan l-argument iddeċidiet li l-kummenti li saru waqt il-programm speċjalment dwar persuni b’diżabilità jmorru kontra l-gosti tajbin u għalhekk imponiet il-penali ta’ €1,160 li għandha titħallas fi żmien 60 jum.