Multa mdaqqsa għal żagħżugħ li aggredixxa pulizija

Żagħżugħ ta’ 23 sena weħel €4,200 multa u ngħata sena ħabs sospiża għal sentejn wara li lbieraħ irreżista għall-Pulizija u darab ħafif wieħed minnhom għax kien xurban.
L-inċident seħħ fis-sigħat bikrin ta’ sbieħ Santa Marija, xħin l-Isqalli, Marco La Perna, aggredixxa lil kuntistabbli xħin dan ipprova jikkalma sitwazzjoni daqsxejn fuq tagħha.
La Perna ġie akkużat li m’obdiex u rreżista b’mod vjolenti lill-Pulizija, ipprova jintimidahom, li weġġa’ ħafif kuntistabbli, ikkawża xi ħsarat f’mutur, li kiser il-paċi pubblika u li deher f’qagħda mhux xierqa fil-pubbliku.
L-Isqalli ammetta l-akkużi, u qal li se jħallas għas-€680 ħsara tal-mutur.
Il-Maġistrat Josette Demicoli laqgħet it-talba tal-imputat li jħallashom bin-nifs, iżda wissietu li jekk jonqos minn dan jiġi arrestat, ikun fejn ikun fl-Ewropa.
Ritratt: Arkivji