Multa lis-sid ta’ karozza jekk jintrema skart fit-triq

Jekk jintrema skart minn karozza fl-Ingilterra s-sid jista’ jeħel multa ta’ madwar €90. Mhux importanti jekk l-iskart intremiex mis-sid jew inkella minn passiġġier. Dan ifisser li s-sewwieqa jistgħu jiġu penalizzati għal atti magħmula mill-passiġġieri wkoll.
Dawn il-miżuri huma diġà fis-seħħ f’Londra, imma fil-kumplament tal-Ingilterra jrid jiġi ppruvat min rema l-iskart.
Kull min jinqabad jarmi xi ħaġa fit-triq jista’ jeħel multa ta’ madwar €180. Din hija multa sostanzjali li infirxet madwar il-pajjiż kollu. Jekk xi kunsill partikolari ma jkunx ħabbar kemm hi l-multa għar-rimi tal-iskart, allura l-multa tkun ta’ madwar €90 awtomatikament.

Inti x’taħseb?

Għandu jkollna sistema simili f’pajjiżna fejn sewwieq ikun responsabbli għal dak li jagħmlu l-passiġġieri?
L-Ingilterra ġġorr il-piż annwali ta’ €950 miljun f’tindif. L-awtoritajiet qed jibnu strateġija biex inisslu kultura li l-iskart jaffettwa lil kulħadd. Jagħmel ħsara lill-ekosistema, iħammeġ l-ibħra, iħassar il-veduti u l-villaġġi sbieħ kif ukoll jagħti impressjoni kerha lit-turisti.
Din l-istrateġija tinkludi proposti biex min jinqabad iħammeġ ikun imġiegħel inaddaf bħala kastig.
Ritratt: Ian Noel Pace