Multa għolja għax ma żammx mal-liġi

Il-bank bl-isem ta’ Satabank ġie mmultat €60,500 f’penali amministrattiva mill-Awtorità għas-Servizzi Finanzjarji ta’ Malta (MFSA). Dan ġara nhar l-4 ta’ Lulju u kien imħabbar fuq is-sit tal-istess Awtorità. Jidher li l-bank naqas milli jikkonforma mal-liġi bankarja dwar l-immaniġġar tar-riskji kif ukoll dwar ksur ta’ regolamenti bankariji u nuqqas ta’ governanza.

Il-bank għandu tlettin ġurnata biex jappella d-deċiżjoni meħudha mill-Awtorità quddiem it-Tribunal tas-Servizzi Finanzjarji.

F’Ġunju li għadda l-ġurnal Times of Malta kien rrapporta li Satabank qed jaffaċċja skrutinju mill-MFSA u mill-Aġenzija tal-Gvern ta’ Malta kontra l-Ħasil tal-Flus, l-FIAU. Jidher li kien hemm dubju dwar jekk il-bank hux konformi mal-liġijiet finanzjarji kontra l-ħasil tal-flus u t-terroriżmu. Skont l-istess rapport, saret investigazzjoni miż-żewġ awtoritajiet fil-kwartieri ġenerali tal-bank.

Satabank huwa tal-Bulgaru Christo Georgiev li qabel kellu negozju tal-e-money ġewwa l-Lussemburgu iżda kien wieħed minn dawk li taw lura l-liċenzja tagħhom b’mod volontarju.

Il-bank ingħata l-liċenzja biex ikun jista’ jopera f’Malta fl-2014 u kien attenda l-Prim Ministru Joseph Muscat għall-inawgurazzjoni.