Multa għal kuntrattur wara li weġġa’ ħaddiem fuq sit tal-kostruzzjoni

rawpixel.com

Kuntrattur weħel multa u ġie kkundannat sitt xhur ħabs sospiżi għal sentejn wara li weġġa’ ħaddiem barrani li kien qed jaħdem f’sit tal-kostruzzjoni f’Birkirkara.

L-inċident ġara fl-24 t’April tal-2018 meta Libjan ta’ 41 sena waqa’ għoli ta’ sular u weġġa’ gravi.

Il-kuntrattur ta’ 62 sena minn San Ġwann instab ħati mill-Qorti tal-Maġistrati li naqas milli jħares is-saħħa u s-sigurtà tal-impjegati tiegħu, kif ukoll ta’ kull min seta’ jiġi affettwat bix-xogħol li kien qed isir. Instab ħati wkoll li naqas milli jieħu l-miżuri ta’ prevenzjoni meħtieġa sabiex ma jsirx xi dannu fiżiku, korriment jew mewt fuq il-post tax-xogħol.

L-evalwazzjoni tar-riskju li kien hemm fuq dan il-post tax-xogħol ma saritx. Il-kuntrattur instab ħati ta’ din in-negliġenza. Huwa naqas milli jassigura li jkun hemm ilqugħ solidu li jkun għoli biżżejjed u li jkollu tal-anqas bord tat-tarf, poġġaman ewlieni u poġġaman intermedju. Naqas ukoll milli jassigura li x-xogħol fil-għoli jsir biss b’apparat speċjali jew bl-użu ta’ apparat ta’ protezzjoni kollettiv bħalma huma bennieni, il-pjattaformi jew ix-xbieki tas-sigurtà.

Il-kuntrattur ingħata multa ta’ €2,250 u ġie kkundannat għal sitt xhur ħabs sospiżi għal sentejn.

L-OHSA saħqet dwar il-bżonn u l-obbligu li xogħol li jsir fl-għoli għandu jsir bil-galbu u billi l-kuntratturi u l-ħaddiema jsegwu r-regoli.

L-Awtorità għas-Saħħa u s-Sigurtà fuq il-Post tax-Xogħol (OHSA) spjegat li f’każ li minħabba n-natura tax-xogħol dan l-apparat speċjali ma jkunx jista’ jintuża, allura għandu jiġi żgurat li jiġu pprovduti u użati safety harness jew metodi ta’ ankraġġ oħra ta’ sigurtà flimkien ma’ mezzi adatti ta’ aċċess. Nuqqas ieħor li nstab ħati tiegħu kien li ma assigurax li poġġamani ta’ protezzjoni jitpoġġew madwar trombi u turġien.

Għal aktar informazzjoni dwar obbligi legali u gwidi fis-settur tal-kostruzzjoni, wieħed jista’ jikkuntattja lill-OHSA fuq 21 247677, jibgħat email fuq ohsa@gov.mt, iżur il-paġna ta’ Facebook, iniżżel l-app ‘Bsafe@Work’ jew iżur is-sit elettroniku tal-OHSA.