Multa flok ħabs għall-omm li ngħatat il-maħfra tal-President

Wara xhur sħaħ tistenna jekk hix se tingħata sentenza oħra ta’ ħabs, Anna Cassar, l-omm li kienet ingħatat il-maħfra tal-President, issa tista’ tgħid li għaddiet b’wiċċ il-ġid.

Dalgħodu l-Qorti ddeċidiet li sentenza ta’ xahar ħabs, minħabba li ma ħallietx lir-raġel tagħha jara lit-tifel, għandha tinbidel f’multa ta’ €250.

L-Imħallef Lawrence Quintano qal li minħabba binhom illum il-ġurnata għandu 18-il sena, is-sentenza ta’ ħabs kellha tinbidel. L-Imħallef Quintano qal li l-aċċess tal-ġenituri għat-tfal hi serja u importanti.

F’Ottubru li għadda, Anna Cassar kienet qattgħet minn tal-inqas ġimgħtejn il-ħabs wara li nstabet ħatja li fis-snin ta’ qabel ma ħallietx lill-eks raġel jara lil ibnu. Permezz tal-avukat tagħha l-omm kitbet ittra lill-President ta’ Malta George Abela. Anke t-tifel tagħha talab għal ħelsien ta’ ommu. Anna Cassar dejjem insistiet li hi qatt ma qalet lill-binha biex ma jarax lill-missieru.

Filfatt, it-talba tagħha ġiet approvata mill-President ftit tal-jiem wara.