Mulej għallimna nieqfu f’riġlejn is-Salib bħal Marija

Żgħażagħ iġorru s-Salib waqt il-Via Sagra mal-Papa fil-Panama

Wara li mexa il-Via Sagra ma’ eluf kbar ta’ żgħażagħ miġbura max-xtajta ta’ Panama nhar il-Ġimgħa il-Papa Franġisku qaddes u għamel Omelija sabiħa li fiha tkellem dwar is-slaleb li qed tiffaċċja d-dinja llum u kif bħal Marija rridu nieqfu taħt is-Salib. Il-Vatikan ippublika din l-Omelija.

“Fi triqtu lejn il-Kalvarju, Kristu sofra fis-solitudni u din il-mixja qed tkompli fi żmienna. Kristu jsofri f’dawk l-uċuħ li qed isofru quddiem l-indifferenza taġ-soċjetà li tikkonsma u hi kkunsmata, soċjetà arroganti u li tinjora u li hi għamja għat-tbatija ta’ ħutna.

“Mulej, aħna wkoll ċedejna għall-apatija u m’aħna nagħmlu xejn. Spiss tħallejna lilna nfusna nitkaxkru mal-kotra u ma rajnikx f’ħutna li qed isofru. Hu eħfef li tkun ħabib fir-rebħ u fil-glorja, fis-suċċessi, tajjeb tkun qrib xi ħadd popolari u rebbieħ. Faċli taqa’ f’kultura ta’ bbuljar, intimidazzjoni u fastidju.

“Il-Via Sagra ta’ Kristu qed tkompli llum fil-bikja ta’ dawk it-trabi li ma jitħallewx jitwieldu u f’oħrajn li nsterqitilhom it-tfulija, bla familja, bla edukazzjoni u li la huma kapaċi jilgħabu, jkantaw jew joħolmu. Qed tkompli f’dawk in-nisa li huma trattati ħażin, esplojtati, abbandunati, mneżża’ mid-dinjità u trattati qishom m’huma xejn.

“Qed tkompli wkoll fl-għajnejn miksura taż-żgħażagħ li qed jaraw it-tama tagħhom fil-futur tinsterqilhom minħabba nuqqas ta’ edukazzjoni u xogħol dinjituż. Fl-uċuħ ta’ dawk iż-żgħażagħ li jispiċċaw vittmi ta’ nies bla skruplu – fosthom uħud li jgħidu li qed jaqdu lilek – li jgħixu mill-esplojtazzjoni tagħhom, l-attività kriminali u l-abbuż.

Fit-test tal-Omelija pubblikat mill-aġenzija Vatican News, il-Papa Franġisku żied jgħid li:  “Mulej, il-Via Sagra ta’ Ibnek qed tkompli f’dawk iż-żgħażagħ u familji, li maqbuda fil-morsa tal-mewt minħabba d-dorga, l-alkohol, il-prostituzzjoni, it-traffikar uman, huma mċaħħda mhux biss minn futur imma anke mill-preżent.

“Il-Via Sagra ta’ Ibnek tkompli f’dawk iż-żgħażagħ imbikkma li mhux kapaċi joħolmu, mhux kapaċi jibnu futur u diġa’ rrassenjaw ruħhom; f’dawk li flok solidarjetà minn soċjetà sinjura qed isibu min iwarrabhom, qed jiffaċċjaw dwejjaq u miżerja u qed ikunu akkużati li huma responsabbli għall-mard kollu tas-soċjetà.

“Qed tkompli wkoll f’dawk il-popli indiġeni li qed tinsterqilhom arthom, l-għeruq u l-kultura tagħhom u qed ikun imsikket l-għerf kbir li għandhom; qed tkompli wkoll fil-bikja tal-ħolqien li hu ferut bl-inkwinament fl-arja, il-kontaminazzjoni tal-ilma, bil-qirda tal-għelieqi, ħolqien mgħaffeġ bil-feroċja konsumista bla sens. Il-Via Sagra ta’ Kristu qed tkompli tittawwal minn soċjetà li quddiem is-sofferenza m’għadiex taf tibki.

“U aħna x’aħna nagħmlu quddiem dan kollu? Kif qed nirreaġixxu meta f’wiċċ tant minn ħutna naraw lil Ġesù jbati, jivvjaġġa, jemigra u jintesa? Qegħdin nikkunslaw u nakkumpanja lil Alla  li naraw f’ħutna li qed isofru u ma jistgħu jagħmlu xejn, li huma foqra u abbandunati?  Qed ngħinu jinġarr it-toqol tas-salib billi naħdmu għall-paċi, u nibnu pontijiet ta’ ħbiberija u fraternità? Bqajna bħal Marija f’riġlejn is-salib?

Hawnhekk il-Papa Franġisku stieden lill-folla preżenti: “Ejja nħarsu lejn Marija, mara b’saħħitha. Minnha ejja nitgħallmu kif nibqgħu taħt is-salib b’ determinazzjoni u kuraġġ, bla ma naħarbu u bla illużjonijiet. Hi akkumpanjat it-tbatija ta’ Binha, għenitu b’ħaristha u pproteġietu b’qalbha.

“Aħna wkoll irridu nkunu Knisja li tgħin u takkumpanja, li kapaċi tgħid: ‘Hawn jien’ fil-ħajja ta’ dawk li minkejja s-slaleb jimxu magħna. Mill-Madonna nitgħallmu kif ngħidu ‘iva’ għall-paċenzja u l-perseveranza ta’ ħafna ommijiet, missirijiet u nanniet li qatt ma jieqfu jgħinu u jakkumpanjaw lil uliedhom u n-nepputijiet li jsibu ruħhom fl-inkwiet. Nitgħallmu ngħid ‘iva’ lil dawk li ma jridux jibqgħu siekta quddiem il-kultura ta’ abbuż, disprezz u aggressjoni u li jaħdmu biex jipprovdu opportunitajiet u joħolqu atmosfera ta’ sigurtà u protezzjoni.

“F’Marija nitgħallmu kif nilqgħu lil kulmin hu abbandunat jew imġiegħel jitlaq u jitlef artu, l-għeruq tiegħu, l-familja u x-xogħol. Minnha rridu nitgħallmu kif nibqgħu ħdejn is-salib mhux bi qlub magħluqa imma bi qlub li kapaċi jakkumpanjaw, li kapaċi jħossu u juru ħniena u jitrattaw lill-oħrajn b’rispett u sensitivitàfhmuhom.”

Papa Franġisku temm l-omelija billi qal li “Bħal Marija irridu nitgħallmu xi tfisser “tieqaf”. Mulej għallimna nieqfu f’riġlejn is-salib, ta’ kull salib. Iftħilna għajnjena u qlubna u salvana mill-paraliżi tal-inċertezza, mill-biżà u mid-disperazzjoni. Għallimna ngħidu: ‘Hawn jien, ħdejn Ibnek, ħdejn Marija u d-dixxipli maħbuba li jixtiequ jilqgħu s-saltna Tiegħek f’qalbhom”.