Aġġornata: Mugabe mkeċċi mill-Partit li waqqaf hu stess.

Il-partit fit-tmexxija taż-Żimbabwe, Zanu-PF keċċa lill-fundatur u l-mexxej tiegħu, il-President Robert Mugabe.
Dan wara li nhar l-Erbgħa li għadda, l-armata ħadet f’idha l-poter fil-pajjiż.
Minfloku tpoġġa Emmerson Mnangagwa, l-istess persuna li Mugabe neħħa minn Deputat President bil-għan li tkun martu li ssir il-President li jmiss.
Kienet din id-deċiżjoni li wasslet għal rabja kbira fil-pajjiż u lill-armata biex tieħu l-poter f'idejha.
Intant, Mugabe li għandu 93 sena, deher iħalla r-residenza tiegħu, fejn kien qed jinżamm arrestat u mistenni jiltaqa' mal-mexxejja tal-armata fil-ħin li ġej.
Għadu mhux magħruf jekk Mugabe hux se jirriżenja llum.
Qed jingħad li hu jrid l-ewwel jassigura s-sigurtà tiegħu u ta' familtu qabel ma jħabbar ir-riżenja.
Mugabe ilu jmexxi liż-Żimbabwe mill-indipendenza mir-Renju Unit fl-1980. 
Intant, hekk kif kompliet tikber il-pressjoni fuqu biex jirriżenja, għadd ta' persuni diġà niżlu fit-toroq jiċċelebraw.