Mudella Down tieħu sehem f’aktar minn 60 sfilata

Madeline, mudella ta’ 21 sena hija l-ewwel persuna li għandha l-kundizzjoni tad-Down’s syndrome li mxiet fuq passarella fl-isfilat tal-moda waqt New York Fashion Week. Taħt isimha għandha aktar minn 60 sfilata, li jinkludu Londra, Pariġi u Dubai. Bla dubju, il-kundizzjoni ta’ Madeline ma fixklitiex milli tilħaq il-ħolma tagħha.

Bħal ħafna mill-mudelli l-oħra, Madeline tibda l-ġurnata b’kolazzjon bnin u sustanzjuż biex umbad tmur tipprova l-ilbiesi li tkun se tuża kif ukoll jagħmlulha l-irtokk u xagħrha biex umbad toħroġ fuq il-passarella. F’ħin l-ikel ta’ wara nofsinhar, ġeneralment Madeline tkun qed tiekol xi rap tat-tiġieġ, għax dak hu l-ikel favorit tagħha.

Ommha qalet li qabel ma bdiet il-karriera tal-immudellar, Madeline kienet qed tiġġieled kontra l-piż żejjed li kellha. Skont omm Madeline din hija esperjenza li jgħaddu minnha bosta min-nies li għandhom din il-kundizzjoni. Iżda Madeline wriet interess biex tonqos mill-piż minħabba l-kundizzjoni ta’ qalbha kif ukoll biex tkun aktar b’saħħitha.