MUBE sodisfatta bil-miżuri meħuda mill-banek minħabba l-coronavirus

L-Unjin Maltija tal-Impjegati tal-Bank (MUBE) qalet li hija sodisfatta bl-isforzi li qegħdin isiru minn min iħaddem sabiex jipproteġu lill-impjegati u jiżguraw li jkun hemm kontinwità fin-negozju minkejja l-imxija tal-coronavirus.

MUBE preżentat dokument lil kull kumpanija li taħdem magħha fis-settur tal-finanzi u l-assigurazzjoni dwar l-iġjene fil-post tax-xogħol, l-apparat u s-sigurtà, is-servizzi essenzjali, pjan ta’ kontinġenza, miżuri preventivi, leave mħallas jew leave speċjali għal ċirkostanzi straordinarji.

Il-kollaborazzjoni bejn MUBE u dawn l-entitajiet irriżultat fl-implimentazzjoni ta’ miżuri preventivi bħax-xogħol mid-dar, apparat apposta biex dawk li jkollhom jaffaċċjaw il-klijenti jkollhom protezzjoni, bidla temporanja fl-iskedi tax-xogħol u roster li tiżgura li jkun hemm il-kontinġenza.

Apparti dan, MUBE stqarret li rat ukoll li l-bżonnijiet tal-ħaddiema li għandhom xi marda kronika jkunu indirizzati.

Jekk tixtieq tkun minn tal-ewwel li tirċievi l-aħħar aħbarijiet dwar il-coronavirus f’Malta, niżżel l-APP ta’ Newsbook minn hawn