Mubarak se jerġa’ jiffaċċja l-Qorti

Qorti tal-Appelli fl-Eġittu ordnat lill-eks-President Eġizzjan Hosni Mubarak biex jerġa’ jgħaddi minn proċeduri ġodda fil-Qorti dwar il-qtil ta’ dimostranti fit-toroq fil-Kajr erba’ snin ilu.
F’Novembru li għadda, Mubarak inħeles mill-akkużi kontrih wara appell għal verdett preċedenti li kien sabu ħati tal-qtil ta’ 800 persuna u kien fisser sentenza ta’ għomor il-ħabs.
Iktar kmieni din is-sena, f’każ separat, ġie akkużat b’korruzzjoni u ntbagħat tliet snin ħabs.
Mubarak, ta’ 87 sena, għadu jinsab fi sptar militari fil-Kajr.
Din se tkun it-tielet darba li Mubarak se jiffaċċja l-Qorti dwar il-qtil tad-dimostranti, suppost f’seduti li jibdew f’Novembru li ġej.
L-eks-President Eġizzjan, li mexxa lill-pajjiż għal 30 sena, ħalla l-kariga fi Frar tal-2011 wara protesti kbar kontrih li kienu fost l-ewwel dimostrazzjonijiet pubbliċi li taw bidu għar-‘Rebbiegħa Għarbija’.