MSV Life tappoġġja riċerka fuq għarfien finanzjarju

MSV Life ilha għal żmien twil taħdem biex tiżdied u tinxtered il-familjarità tal-pubbliku ma’ kunċetti finanzjarji.  Il-kumpanija temmen ħafna li jekk aktar nies jagħrfu u jkunu konxji tal-kunċetti finanzjarji, u dwar kif jaħdem il-qasam finanzjarju u s-servizzi tal-assigurazzjoni, individwi li jridu jinvestu jkunu jistgħu jagħmlu l-aqwa għażliet għat-tfaddil għall-futur tagħhom, b’mod partikolari billi jfaddlu biex jissupplimentaw il-pensjoni statali meta jirtiraw.
Għal dan l-iskop, MSV Life tat l-appoġġ taghħa għal xogħol ta' riċerka ta' Ann-Marie Mangion, studenta li kienet qiegħda tistudja għall-Bachelor of Commerce, Banking and Finance fl-Università ta' Malta, marbuta ma' teżi  bit-tema “Analiżi tal-Għarfien Finanzjarju f'Malta”.
Fl-istħarriġ ipparteċipaw 1,255 persuna, bl-istudju jkun ibbażat fuq studju pilota li tmexxa mill- OECD fl-2012. MSV Life tat l-għajnuna tagħha biex tinġabar l-informazzjoni li kienet meħtieġa għal din l-analiżi, fl-iżvilupp tal-istudju, kif ukoll billi inkoraġġiet il-parteċipazzjoni f’dan l-istħarriġ.
Riżultat li ppreżenta dan l-istħarriġ juri li waqt li l-Maltin jifhmu kunċetti bażiċi tal-qasam finanzjarju, il-maġġoranza ma kinux qed japplikaw dan it-tagħrif meta  jiġu biex ifaddlu u jieħdu deċiżjonijiet ta' investiment fit-tul. Jirriżulta li kienu biss 21.9% ta' dawk li ħadu sehem fl-istħarriġ li kienu qed ifaddlu speċifikament għal meta jirtiraw, u li 21% biss ta’ dawk ta’ 53 sena jew iżgħar li kellhom idea ta kemm se jirċievu mill-pensjoni tal-istat meta jirtiraw.
Ir-riżultati ta' dan l-istudju żvelaw ukoll li mhux anqas minn 45% ta' dawk li pparteċipaw fl-istħarriġ qed jgħixu għal-lum, u li ma kellhomx interess li jfaddlu għall-futur tagħhom. Kien ukoll xokkanti l-fatt li 40% ta' dawk li rrispondew il-kwestjonarju m'għandhomx id-drawwa li jippjanaw l-infieq domestiku tagħhom regolarment.
Meta kkummenta dwar ir-riżultati ta' dan l-istħarriġ, David G. Curmi, Kap Eżekuttiv tal-MSV Life enfasizza r-rwol li għandha l-kumpanija li tkompli tinkoraġġixxi lin-nies biex jifhmu l-importanza li jimmaniġġjaw il-finanzi tagħhom u li jieħdu deċiżjonijiet bilanċjati biex jassiguraw ruħhom li jkunu jistgħu ikomplu jgawdu l-istil ta' ħajja li huma jixtiequ tul is-snin.
Artikli kummerċjali għandhom jintbagħtu fuq karl@newsbook.com.mt.