MSN ‘joqtol’ lill-Maġistrat Mifsud

MSN ippubblika rapport ta’ Fox News li fih ‘qatel’ lill-Maġistrat Joe Mifsud minflok lill-Professur Malti li jġib l-istess isem u li qed jiġi allegat li kien il-ħolqa bejn il-Gvern Russu u l-kampanja presidenzjali ta’ Donald Trump.

Dan minħabba li r-ritratt li ntuża minn MSN juri lill-Maġistrat Mifsud li sal-lum waranofsinhar kien qed jaqdi dmirijietu fil-Qorti fil-Belt Valletta.

Ir-ritratt li ntuża minn MSN inzerta li ttieħed għall-aġenzija tal-aħbarijiet Reuters mill-fotografu Malti Darrin Zammit Lupi, bid-deskrizzjoni tar-ritratt tirreferi għall-Maġistrat Joe Mifsud għaddej minn quddiem il-membri tal-ekwipaġġ tal-bastiment Sea-Watch f’Lulju li għadda waqt protesta quddiem il-bini tal-Qorti.

Ir-rapport ta’ Fox News jgħid li l-Professur Mifsud, li kien qed jiġi akkużat li ta informazzjoni lir-Russi u li setgħet għamlet ħsara lill-kampanja presidenzjali ta’ Hilary Clinton, għeb wara li ismu beda joħroġ f’diversi rapporti.

Il-Kumitat Nazzjonali Demokratiku Amerikan qal li ilu xhur jipprova jagħmel kuntatt ma’ Mifsud iżda kollu ta’ xejn. Fil-Qorti l-Kumitat issottometta stqarrija li fiha qal li possibilment Mifsud huwa mejjet. Madanakollu ma elaborax għaliex jemmnu hekk.

Investigaturi qed jgħidu li Mifsud kien wieħed minn dawk li qal lill-konsulent ewlieni fil-kampanja ta’ Trump ,George Papadopoulos, li r-Russi għandhom ‘dettalji’ li jistgħu jħammġu l-kampanja ta’ Clinton. Eventwalment, Papadopolous intbagħat 14-il jum ħabs minħabba li gideb lil FBI.