​MSCPA: Annimali selvaġġi m’għandhomx jinżammu fil-magħluq

Is-Soċjetà Maltija għall-Protezzjoni u għall-Kura tal-Annimali (MSPCA) qalet li temmen li annimali selvaġġi m’għandhomx jinżammu fil-magħluq sakemm ma jkunx perikoluż li dawn jiġu rilaxxati.
Fi stqarrija l-MSPCA wriet it-tħassib tagħha dwar il-kwalità tal-ħajja tal-annimali selvaġġi miżmumin fil-magħluq li jista’ jkun hemm f’Malta. Spjegat li madwar id-dinja, iż-zoos qed jiffokaw fuq sforzi ta’ edukazzjoni u konservazzjoni.
Is-soċjetà esprimiet in-niket tagħha għall-imwiet tal-annimali fil-Wildlife Park Malta minħabba n-nirien. Is-soċjetà qalet li l-park kellu liċenzja biex jitmexxa bħala zoo u li serva bħala dar għal numru ta’ annimali. Intqal li wara n-nirien ta’ din il-ġimgħa, bosta annimali kellhom jiġu spostati minħabba li l-kompartimenti tagħhom m'għadhomx siguri.
L-MSPCA qed tittama li dawn l-annimali ma jsofrux aktar billi jinżammu f'kompartimenti mhux addatati għalihom jew li jintbagħtu f'kollezzjonijiet privati ​​f'kundizzjonijiet agħar. Stqarret li żewġ leopardi, tliet pappagalli, żewġ lemurs, żewġ xadini, u xadina tal-iskojjattlu kienu inqas ixxurtjati u mietu minħabba n-nirien.
Fid-dawl ta’ dan kollu, l-MSPCA qalet li temmen li l-awtoritajiet kompetenti għandhom iwettqu l-verifiki meħtieġa biex jiżguraw li jinżammu l-istandards tal-benessri, tas-saħħa u tas-sigurtà. Barra minn hekk, l-MSPCA hija kkonċernata bir-rapporti li dejjem qed jikbru ta' annimali selvaġġi f'kollezzjonijiet privati. Is-soċjetà qed tħeġġeġ lill-awtoritajiet biex isegwu dawn il-każijiet.