Filmat: Mr Cool: Jiġbed karozza bi snienu, b’widnejh u b’xagħru

Jekk tarah għaddej mit-triq, taħsbu li hu anzjan bħall-oħrajn.  Imma malli tibda titkellem miegħu jkollok tbiddel fehmtek mill-ewwel.

Paul Grima għandu 63 sena u hu mir-Rabat.  Il-passatempi ta’ Paul mhumiex komuni bħal ngħidu aħna jaqra xi ktieb, jagħmel xi tisliba jew jgħaddi ż-żmien iġemma’ l-mudelli ta’ karozzi.

Paul, li hu magħruf ma’ kulħadd bħala Mr Cool, iqatta’ l-biċċa l-kbira ta’ ħinu jittrenja fil-gym tad-dar tiegħu biex jirnexxielu jiġbed b’xagħaru, snienu u anke b’widnejh affarijiet bħal karozzi u trakkijiet.

Beda jittrenja ta’ 44 sena u f’dawn id-19-il sena, Mr Cool irnexxielu jiġbed u jgħolli minn kollox bi snienu: knaten tal-ġebel, vann b’40 persuna abbord, karozza tal-linja mill-antiki u anke jgħolli n-nies minn mal-art.  Saħansitra jirnexxielu jkisser kantun fuq l-istonku tiegħu. Fi tliet sekondi jirnexxielu wkoll jaqla’ musmar bi snienu minn ma’ injama.

Imma Mr Cool qed jipprova biex b’dan il-passatemp mhux tas-soltu jgħin lil min hu fil-bżonn.  Ftit tax-xhur ilu, Paul spiċċa armel.  Martu, Emma mietet bil-kanċer ta’ 60 sena.  Fl-aħħar tliet snin ta’ ħajjitha, Paul waqaf jittrennja u ta l-enerġija kollha tiegħu biex jieħu ħsieb lil martu.

B’dispjaċir, Paul jgħid li Emma mietet tliet ijiem qabel l-anniversarju ta’ 40 sena żwieġ.

Issa li reġa’ beda jittrenja, Mr Cool qed jittama li jerġa’ jirnexxielu jgħawweġ virga tal-ħadid b’għajnejh.

Fl-aħħar ta’ dan ix-xahar, Mr Cool kien se jagħti wirja fil-Gżira b’dawn il-passatempi b’risq il-Hospice Movement bħala grazzi għax-xogħol li għamlu ma’ martu Emma. 

Din l-attività tħassret imma fil-futur Mr Cool bi ħsiebu jagħmel aktar wirjiet b’risq il-karità.