MPs Laburisti qalu lill-President li qed jibżgħu – Casa

Persuni fil-Grupp Parlamentari Laburista qalu lill-President George Vella li qed jibżgħu, skont l-MEP David Casa.

Il-Kwestur tal-Parlament Ewropew u MEP Nazzjonalista David Casa bagħat ittra lill-President li fiha qal li m’għandux dubju li l-eks kollegi tiegħu deputati tal-PL esprimew ir-rabja u l-biża’ li għandhom miegħu.

“Rabja li ġew ingannati minn dawk li tant fdaw fl-aħħar snin, u biża’ li jekk jieħdu passi huma, isofru l-konsegwenzi.”

Fl-ittra Casa qal lil Vella biex ma jħallix l-istorja tfakkru bħala “l-President li fil-mument fejn Malta qed issejjaħlek, inti ma aġixxejtx.”

Talab lil Vella jassigura li “Malta jkollha Prim Ministru ġdid illum qabel għada.”

Casa qal li huwa fiduċjuż li Vella jagħmel dak li hemm bżonn u li jġib l-interess nazzjonali l-ewwel. Skont Casa, Vella biss jista’ jieħu l-uniku pass li jista’ jġib lil Malta lura għan-normal.

Casa fakkar fil-messaġġ ta’ Vella t-Tnejn li għadda fejn iddeskriva dak li qed jiġri f’Malta bħala “mhux normali”. Fakkar li Vella appella biex tibda t-triq għan-normalità.

“Din hi x-xewqa tiegħi,” qal Casa li jemmen li hija x-xewqa ta’ eluf ta’ Maltin. Casa jemmen li biex dan iseħħ, hemm bżonn pass wieħed li ma jista’ jieħdu ħadd ħlief il-President.

Tista’ taqra l-ittra ta’ Casa minn hawn.