Ħames Membri Parlamentari Ewropej qattgħu xi sigħat abbord dgħajsa tas-salvataġġ fil-Mediterran flimkien ma’ mijiet ta’ immigranti biex jippruvaw isibu port fejn il-vapur ikun jista’ jorbot.
Ilbieraħ filgħaxija l-MPs għamlu erba’ sigħat jippruvaw jinnegozjaw mal-awtoritajiet Taljani u Maltin. L-MPs huma mill-Ġermanja, mill-Portugall, u minn Spanja.
Il-vapur Lifeline ilu fil-limbu għal ħamest ijiem wara li salva mijiet ta’ immigranti qrib il-kosta tal-Libja l-Ħamis. Bħalissa jinsab madwar 40 kilometru ‘l bogħod minn Malta. Hemm 234 immigranti abbord u 17-il membru tal-ekwipaġġ. Wieħed mill-MPs qal li l-kundizzjonijiet fuq il-vapur kienu insapportabbli.
Skont is-CNN, hemm vapur ieħor tal-kumpanija Daniża Maersk li huwa maqbud fil-Mediterran wara li ġabar 113 immigranti.
Illum Salvini ltaqa’ mal-Ministru għall-Intern tal-Libja Abdulsalam Ashour fi Tripli. Salvini rringrazzja lill-Gwardja tal-Kosta tal-Libja talli salvat 820 immigranti l-Ħadd u ħadithom lura l-Libja.
A Tripoli coi ragazzi della Caprera, che difendono i mari e la nostra sicurezza: onore! pic.twitter.com/WGbgCTVUt7
— Matteo Salvini (@matteosalvinimi) June 25, 2018
Il-Fundatur tal-Organizazzjoni Lifeline qal li se jkunu qed jistaqsu lil Franza biex tilqagħhom. Qal li jekk jibqgħu bla risposta jitilqu minn ħdejn Malta u jmorru lejn it-Tramuntana.
Il-mexxejja tal-Front Nazzjonali ta’ Franza kkritikat l-organizzazzjonijiet li qed jgħinu lill-migranti u akkużathom li huma kompliċi mal-persuni li jittraffikaw lin-nies.
Ilbieraħ l-Għaqda tat-Tobba Mingħajr Fruntieri (MSF) qalet li kien hemm 7 dgħajjes fil-Mediterran li kellhom bżonn l-għajnuna.
AGGIORNAMENTO: Ci sono 7 imbarcazioni in difficoltà nel #Mediterraneo con a bordo circa 1000 persone. Il Centro di Coordinamento della Guardia Costiera Italiana ha diramato un’allerta a tutte le navi. #Aquarius si sta dirigendo nell’area ma non arriverà prima di stasera. pic.twitter.com/sGelNHI3tS
— MediciSenzaFrontiere (@MSF_ITALIA) June 24, 2018
Il-gwardjani tal-kosta Libjana wettqu 3 operazzjonijiet li salvaw 948 immigrant u rkupraw 10 l’barra mill-kosta tal-Libja nhar il-Ħadd li għadda.