MPs impjegati mas-settur pubbliku jabbużaw biex jattendu attivitajiet politiċi – il-Kummissarju tal-Istandards

Read in English.

Il-Kummissarju tal-Istandards George Hyzler sab li s-sistema tippermetti li l-membri parlamentari impjegati mas-settur pubbliku jattendu attivitajiet parlamentari waqt il-ħin tax-xogħol qiegħda tiġi abbużata.

F’rapport li ġie ppubblikat mil-Kummissarju tal-Istandards ġie spjegat li huwa wasal għal din il-konkluzjoni wara lment kontra d-deputati tal-oppożizzjoni li jaħdmu fis-settur pubbliku u li allegatament ma kinux qegħdin jidħlu għax-xogħol b’mod regolari.

Huwa sab li r-regoli għall-impjegati pubbliċi, u deputati parlamentari li jaħdmu fis-settur pubbliku għandhom dritt jattendu attivitajiet parlamentari li jsiru waqt il-ħin tax-xogħol. Madankollu l-Kummissarju spjega li din is-sistema qiegħda tiġi abbużata billi d-deputati jassentu ruħhom mill-post tax-xogħol bla kontroll, anki biex jattendu attivitajiet politiċi u tal-kostitwenza. Id-deputati m’għandhomx dritt jattendu attivitajiet simili waqt il-ħin tax-xogħol. Il-Kummissarju kkonkluda li l-fatt li dan l-aġir qed jiġi tollerat mill-entitatijiet tal-Gvern jirrappreżenta nuqqas ta’ governanza tajba li għandu jiġi indirizzat.

Għandu jiġi ċċarat liema attivitajiet id-deputati jistgħu jattendu

Fir-rakkomandazzjonijiet tiegħu l-Kummissarju rrakkomanda li għandu jiġi ċċarat liema huma dawk l-attivitajiet li d-deputati jistgħu jitħallew jattendu waqt il-ħin tax-xogħol, u li ebda deputat ma jingħata permess ta’ assenza mix-xogħol biex jattendi attivitajiet oħra.

Il-kummissajru enfasizza li din il-prattika li ilha titħaddem snin twal tirrappreżenta abbuż ta’ fondi pubbliċi;

  • tammonta għal abbuż, intenzjonat jew mhux, tal-pożizzjoni ta’ deputat parlamentari;
  • timmina l-fiduċja li l-elettorat mistenni jkollu fir-rappreżentanti politiċi tiegħu
  • tqiegħed il-kapijiet tal-entitajiet pubbliċi f’pożizzjoni diffiċli billi dawn huma mistennija jġorru responsabilità għal prattika li tagħti lok għall-irregolaritajiet;
  • tikkomprometti l-indipendenza tad-deputati impjegati mas-settur pubbliku billi jkunu inqas disposti li jwettqu d-dmir li jiskrutinizzaw l-aġir tal-Gvern minħabba biża’ li jitilfu benefiċċju impliċitu tal-impjieg tagħhom.

George Hyzler kkonkluda li din is-sistema fil-prattika tiddiskrimina bejn dawk id-deputati impjegati fis-settur pubbliku u oħrajn li jkollhom ilaħħqu max-xogħol regolari għall-għajxien tagħhom. Irrakomanda wkoll li deputat li jaħdem fis-settur pubbliku m’għandux isir il-kelliem tal-oppożizzjoni dwar l-istess qasam li jaħdem fih, għax dan ipoġġi lid-deputat f’kunflitt ta’ interess.

Il-Kummissarju fakkar li xogħol tal-backbenchers, huwa li jżomm il-gvern taħt skrutinju, u għalhekk deputati li mhumiex ministri jew segretarji parlamentari kemm jekk tan-naħa tal-Gvern u kif ukoll dawk tan-naħa tal-oppożizzjoni m’għandhomx ikunu dipendenti għall-għajxien tagħhom fuq il-gvern.

Il-Kummissarju ppropona  li bħala soluzzjoni d-deputati (backbenchers) kollha jingħataw l-għażla li jibdew jaħdmu full-time bħala deputati, u dawk li jaqilbu full-time jitħallsu paga ogħla minn deputati li jibqgħu part-time kif inhi s-sistema preżenti tal-Parlament. Spejga li jekk tidħol din is-sistema, il-liġi li tippermetti li deputati jibqgħu jaħdmu mal-Gvern waqt li jkunu deputati għandha titneħħa u dawn id-deputati jkunu jistgħu jirritornaw lura fl-impieg tagħhom meta jispiċċaw mill-parlament. Dan jgħin biex jiġi eliminat il-lok għall-abbuż u fl-istess ħin id-deputati ma jibqgħux dipendenti fuq il-gvern tal-ġurnata.