Claudio Grech mhux se jattendi l-ftuħ tal-V18; “Stunt politiku” – Jason Micallef

Hekk kif għada bejn 80,000 u 100,000 persuna mistennija jipparteċipaw fil-ftuħ tal-Valletta 2018, oħrajn ħabbru li mhumiex sejrin, fosthom il-Membru Parlamentari Nazzjonalista Claudio Grech.
Fuq Facebook Grech, li hu Belti, qal li jħoss li jkun qed jonqos mir-rispett lejn ir-residenti Beltin jekk jattendi għaċ-ċelebrazzjonijiet u riċeviment li se jsiru. Iċ-Ċerpersin tal-Fondazzjoni Valletta 2018 pront wieġbu u ddeskriva l-kummenti ta' Grech bħala stunt politiku.

Huwa sostna li mhux sejjer għax:
1. Għaliex mijiet ta’ postijiet tal-housing fil-Belt Valletta qiegħdin fi stat tat-tielet dinja u mhux xierqa ta’ Belt kapitali tal-kultura.
2. Għaliex in-numru ta’ parkeġġi riżervati għal-Ministeri u d-Dipartimenti tal-Gvern faqqsu u komplew jieħdu mill-ftit li kien għad fadal għar-rsidenti.
3. Għaliex il-passaġġi ta’ ħafna toroq inbelgħu mir-ristoranti u l-ħwienet minghajr ebda kontroll jew proporzjoni raġjonevoli.
4. Għaliex il-bankini fiż-żoni residenzjali lanqas għal bhejjem m’huma tajbin aħseb u ara għan-nies speċjalment l-anzjani.
5. Għaliex il-Kunsill Lokali kien abbandunat mill-Gvern u ma’ ngħatax Ewro wieħed biex f’dawn l-aħħar erba’ snin ikun jista’ jinvesti fl-infrastruttura residenzjali.
6. Għaliex il-Beltin baqgħu b’xiber imieħer fuq il-ground tal-football. Ħames snin fejn Valletta FC ġew imċaħħda milli jiżviluppaw l-art li għandhom bi skuża wara l-oħra.
7. Għaliex il-pitch tal-Waterpolo tal-Belt sar miżbla li tħalla jiddeterjora f’sit tal-mistħija.
8. Fuq kollox għaliex il-Belt Valletta saret playground mimlija scaffolding, tined u konki fejn ir-residenti iridu jiffaċċjaw il-konsegwenzi ta’ strateġija li warrbet kull sens ta’ bilanċ bejn dak li hu kummerċjali u dak li hu tal-komunita’.
Grech sostna li għalkemm xorta japrezza xogħol l-artisti li se jipparteċipaw, hi ħasra li l-kultura nbidlet f’festini bil-konsegwenza li ma’ ġietx integrata f’qafas ta’ rispett u rikonoxximent li jixirqilhom ir-residenti.
"Stunt politiku" – Jason Micallef
Mistoqsi min-Newsbook.com.mt biex iwieġeb għal dawn il-kummenti, iċ-Ċermen tal-Fondazzjoni Valletta 2018 qal li Grech seta' sab ħin aħjar jew skuża oħra biex jagħmel stunt politiku milli " jibbojkottja l-akbar avveniment nazzjonali b'dimensjoni ewropea li Valletta qatt qabel ma rat bħalu."
Micallef qal li hi ironija li Dr Grech kiteb dawn il-kummenti fgl-istess jum li fih l-eks Prim Ministru Lawrence Gonzi saħaq li Valletta 2018 hija suċċess.
Fakkru wkoll li l-Kap tal-Oppożizzjoni Adrian Delia żar il-Belt Valletta biex japprezza dak li għaddejja u anke żar proġetti li nfetħu bħala parti miċ-ċelebrazzjoni, fosthom is-Suq tal-Belt.