MP jgħid li għandu jkun introdott warrant għall-ġurnalisti

Read in English.

Membru Parlamentari tal-Partit Laburista Jean-Claude Micallef qal li għandha tinħoloq sistema fejn il-ġurnalisti jkollhom jiksbu warrant biex ikunu jistgħu jipprattikaw il-ġurnaliżmu.

Micallef qal dan hu u jitkellem waqt id-dibattitu li jemenda l-Att dwar ix-Xandir, primarjament biex jadotta direttiva tal-Unjoni Ewropea.

Hu insista li l-professjoni għandha tkun irregolata b’warrant, bħal kif inhi rregolata l-professjoni ta’ avukat. Hu sostna li b’dan il-mod, l-istandards tal-ġurnaliżmu fil-pajjiż jogħla.

Kienu iżda diversi dawk li llum qamu jikkritikaw lill-MP u jgħidu li xi ħaġa tat-tip tmur kompletament kontra l-ħelsien tal-midja u se twassal sabiex il-ġurnalisti jkunu rregolati mill-istat.

Xi jfisser li jkollok warrant?

Warrant huwa tip ta’ permess jew ċertifikat li joħroġ mill-istat u li jippermetti li wieħed jaħdem fi professjoni partikolari. Dan il-warrant jista’ joħroġ biss mill-President ta’ Malta u jkun irregolat permezz ta’ kodiċi li tkun parti mil-liġi tal-pajjiż. Uħud mill-professjonijiet li jirrikjedu warrant huma ta’ avukat, perit, nutar u inġinier.

Dan ifisser li l-istat għandu dritt jirrifjuta li joħroġ warrant għal ċertu persuni li skontu ma jkunux issodisfaw il-kriterji tal-kodiċi imposta biex jinkiseb l-istess warrant. Ikun hawn li jitqajjem id-dubju meta xi ħaġa bħal din tkun diskussa biex tiġi imposta fuq ġurnalisti. Dan hekk kif il-professjoni ta’ ġurnalist għandha tkun indipendenti mill-istat, bl-irwol tal-ġurnalist ikun dan li jżomm il-politiċi, il-gvern u l-oppożizzjoni kontabbli ta’ dak li jkunu qed jagħmlu.

Meta wieħed iħares lejn kif persuna tikseb il-warrant biex tkun avukat, il-proċedura hija waħda kemmxejn twila. Wieħed irid jagħmel snin twal ta’ studju li jwassluh biex ikun lest biex jipprattika l-professjoni ta’ avukat. Wara li jtemm l-istudji tiegħu, irid jikseb warrant li joħroġ biss mingħand il-President ta’ Malta taħt is-Siġill Pubbliku ta’ Malta. Il-kriterji li wieħed irid jissodisfa biex jikseb warrant ta’ avukat huma dawk li jinsabu f’sezzjoni 81 tal-Kodiċi tal-Organizzazzjoni u Proċeduri Ċivili.

Comodini Cachia b’appell mill-ġdid għal leġiżlazzjoni anti-SLAPP

Minkejja li l-abbozz mhux direttament relatata mal-ġurnaliżmu, il-professjoni ssemmiet ukoll mill-MP Nazzjonalista Therese Comodini Cachia. Hi l-kelliema għall-kultura u l-midja fil-partit.

Comodini Cachia esprimiet it-tħassib dwar ir-rifjut tal-gvern milli jimplementa leġiżlazzjoni kontra l-kawżi magħrufin bħala SLAPP. SLAPP hija kawża strateġika quddiem il-qrati kontra l-parteċipazzjoni pubblika. Dawn it-tip ta’ kawżi huma deskritti bħala attakk fuq il-ġurnalisti sabiex dawn jiddaħħlu fi spejjeż kbar finanzjarji biex jintimidaw ruħhom u jieqfu jinvestigaw jew jiktbu dwar is-suġġett partikolari.

Il-MP osservat li l-PN għamel il-proposti tiegħu dwar kif kawżi tat-tip SLAPP għandhom ikunu affaċċjati. Intant, riċentament l-Istitut tal-Ġurnalisti Maltin (IĠM) appella għal soluzzjoni dwar din il-problema. Minkejja dan, il-Gvern baqa’ jfalli milli jipproteġi l-kmamar tal-aħbarijiet lokali. Kien spjegat li saħansitra hemm membri fil-gvern li qed jagħtu l-permess li kumpaniji barranin ifittxu ġurnalisti Maltin fi qrati barranin. Comodini Cachia qalet li dan iwassal sabiex kmamar tal-aħbarijiet jibqgħu kwieti, jgħixu fil-biża u jirriskjaw li jitilfu l-fondi tagħhom.