MP Ingliża mħassba dwar il-kura b’xejn għall-Maltin u l-Ingliżi wara Brexit

Read in English.

Il-Membru tal-Parlament tar-Renju Unit Yasmin Qureshi qalet li tinsab imħassba dwar il-possibilità li persuni mir-Renju Unit ma jkunux jistgħu jkomplu jirċievu kura tas-saħħa b’xejn f’Malta u viċe versa wara Brexit.

Skont is-sit tal-aħbarijiet The Bolton News, Qureshi qajmet it-tħassib tagħha mal-Ministru għall-Affarijiet Barranin fir-Renju Unit Sir Alan Duncan. Dan wara li raġel li ilu jżur Malta għal 30 sena qajjem il-kwistjoni mal-MP.

Ġie rrapurtat lil Duncan qal li l-Gvern tiegħu jrid ikompli bl-arranġamenti eżistenti li għandu ma’ Malta. Qal li bħalissa għaddejjin diskussjonijiet dwar kif dan jista’ jsir.

Fl-2016, il-Ministru għas-Saħħa Chris Fearne kien qal li l-pazjenti Maltin u dawk tar-Renju Unit ma kenux se jesperjenzaw tibdil fil-kura tas-saħħa li jirċievu. Malta għandha trattat mar-Renju Unit li jmur lura għexieren ta’ snin li jippermetti lil ċittadin ta’ wieħed miż-żewġ pajjiżi biex jirċievi kura b’xejn fil-pajjiż l-ieħor.