MP Ingliż jiġri f’maratona f’Londra minħabba l-persekuzzjoni reliġjuża

Rehman Chishti, Prime Minister's Special Envoy for Religion or Belief gives a talk in Westminster Cathedral

Rehman Chishti, il-membru parlamentari Ingliż li jirrappreżenta l-ibliet ta’ Gillingham u Rainham fil-House of Commons ħabbar li se jieħu sehem fil-Maratona ta’ Londra li ssir b’risq dawk l-insara li huma ppersegwitati. Din il-maratona se ssir fis-26 ta’ April li ġej.

Chisthi qal li kien se jagħmel il-maratona biex jgħin lill-organiżazzjoni Pontifiċja, Aid to Church in Need, għax din tagħmel ħidma fantastika.

Dan il-membru parlamentari li hu l-Mibgħut Speċjali tal-Prim Ministru Ingliż għal-Libertà tar-Reliġjon u t-Twemmin qal li “il-ħidma ta’ Aid to Church in Need hi xi ħaġa tal-għaġeb u jien għandi pjaċir nuri l-apprezzament tiegħi lejn din il-ħidma billi jgħin fl-appoġġ li din tagħti lill-insara persegwitati”.

Asia Bibi

Chishti, li hu Musulman fisser kif hu kien ħadem ma’ din is-soċjetà Kattolika tal-Karità biex iddefendew lil Asia Bibi, mara nisranija li kienet ġiet ikkundannata għall-mewt fil-Pakistan fuq akkużi ta’ dagħa.

Żied jgħid li: “Ħdimt ħafna ma’ Aid to Church in Need fuq il-każ ta’ Asia Bini. Meta din l-organiżazzjoni ġabet lill-familja ta’ Asia Bibi fl-Ingilterra fl-2018 stednuni biex niltaqa’ magħhom”.

F’Novembru tal-2018, Chishti kien irriżenja minn Viċi Chairman tal-Partit Konservattiv Ingliż u bħala Mibgħut tal-Prim Ministru għall-Kummerċ mal-Pakistan għax fost raġunijiet oħra, l-Ingilterra kienet qed tirrifjuta li tagħti kenn lil Asia Bibi.

Minn dak iż-żmien ‘l hawn is-sentenza ta’ Asia Bibi nbidlet u llum hi qed tgħix fil-Kanada flimkien mal-familja tagħha.

Neville Kyrke-Smith, id-Direttur Nazzjonali ta’ Aid to Church in Need fl-Ingilterra filwaqt li laqa’ bil-ferħa l-aħbar li Chishti se jieħu sehem fil-maratona, qal li dan kien sinjal li l-persekuzzjoni tal-insara qed tittieħed b’aktar serjetà.

Libertà reliġjuża

“Nieħu pjaċir li Chishti din is-sena se jiġri l-maratona ta’ Londra għall-ACN. Din mhix biss opportunità biex niġbru l-flus għall-proġetti tagħna biex ngħinu lill-insara persegwitati, imma tgħin ukoll biex tgħolli l-profil ta’ din il-problema li hemm bżonn li jkollha aktar għarfien”.

Chishti kien wieħed mill-kelliema ewlenin fil-kampanja RedWednesday oranizzata mill-ACN favur il-Libertà Reliġjuża li saret f’Novembru li għadda u għamel diskors f’Whitehall u fil-Kattidral ta’ Westminster, bħala l-Mibgħut Speċjali tal-Prim Ministru għal-Libertà Reliġjuża.

F’dik l-okkażżjoni Christi kien qal li “l-Gvern Ingliż se jaħdem fuq kull rakkomandazzjoni li ssirlu dwar il-Libertà Reliġjuża. Din hi prijorità għall-Prim Ministru, għall-Ministru tal-Affarijiet Barranin u għaliha bħala l-Mibgħut Speċjali tal-prim Ministru għal-Libertà tar-Reliġjon u t-twemmin.”