MP Ġappuniż arrestat fuq suspett ta’ tixħim minħabba kasinò

NPA

L-awtoritajiet Ġappuniżi arrestaw deputat mill-partit fil-gvern Tsukasa Akimoto fuq suspett li aċċetta flus f’tixħim minn kumpanija interessata li tiftaħ kasinò fil-Ġappun, skont prosekuturi minn Tokyo.

Skont ir-Reuters, Akimoto, membru tal-Partit Demokratiku Liberali tal-Prim Ministru Shinzo Abe kien viċi ministru fl-Uffiċċju tal-Kabinett sa Ottubru tal-2018 u mexxa l-politika tal-Gvern dwar il-kasinòs. Il-prosekuturi qalu li hemm suspett li rċieva aktar minn €20,000 fi flus kontanti minn tliet suspettati meta kien jaf li l-kumpanija tagħhom riedet l-għajnuna biex tiftaħ kasinò.

It-tliet suspettati ġew arrestati wkoll fuq suspett ta’ tixħim. Ħadd ma kien disponibbli għall-kummenti mill-uffiċċju ta’ Akimoto. Id-deputat, li sarlu raid fl-uffiċċju mill-prosekuturi l-ġimgħa l-oħra, dejjem ċaħad l-akkużi kontrih.

L-arrest jaf iżid l-oppożizzjoni lejn il-kasinòs li qatt ma kien popolari fil-Ġappun minkejja li l-Gvern iridhom jibdew jaħdmu wara l-2020.