Mozzjoni tal-PN dwar l-assassinju ta’ Daphne l-ġimgħa dieħla fil-Parlament

Il-Parlament se jiddiskuti mozzjoni mressqa mill-Kap tal-Oppożizzjoni Adrian Delia dwar l-assassinju tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia. Fil-bidu tas-seduta Parlamentari, il-Whip Nazzjonalista Robert Cutajar qal li bi qbil mal-Gvern, il-mozzjoni se tkun diskussa fis-6 ta’ Diċembru li ġej.

Il-mozzjoni tgħid li l-Partit Nazzjonalista jemmen bis-sħiħ li s-sejħa tiegħu għal inkjesta independenti hija waħda urġenti u meħtieġa fiċ-ċirkustanzi li jinsab fihom il-pajjiż.

Il-Kap tal-Oppożizzjoni qal li permezz ta’ din il-mozzjoni l-Parlament qed jiġi mitlub li jtenni l-kundanna tiegħu għall-assassinju tal-ġurnalista, jitlob għar-riżenja tal-Avukat Ġenerali u tal-Kummissarju tal-Pulizija u li l-Prim Ministru jaħtar Bord ta’ Inkjesta u li jkun għal kollox indipendenti mill-Korp tal-Pulizija u mill-Gvern, sabiex jeżamina numru ta’ punti mniżżla fl-istess mozzjoni.

Delia qal li l-Partit Nazzjonalista se jibqa’ jagħmel il-ġlieda kontra l-korruzzjoni kemm fil-Parlament kif ukoll barra l-Parlament u jħeġġeġ lill-Membri Parlamentari u liċ-ċittadini Maltin u Għawdxin ta’ rieda tajba biex huma wkoll jagħmlu tagħhom il-ġlieda kontra l-korruzzjoni.