Mozzjoni mill-kunsilliera tal-PN dwar iż-Żonqor ma tgħaddix

Il-Partit Nazzjonalista qal li l-kunsilliera Laburisti ta’ Wied il-Għajn ma jridux li l-art taż-Żonqor tibqa’ titgawda mill-poplu għax ivvutaw kontra mozzjoni li titlob li l-Gvern jieħu l-art lura.
Waqt laqgħa tal-Kunsill Lokali ta’ din il-ġimgħa l-kunsilliera f’minoranza f’isem il-PN, John Baptist Camilleri, Charlot Cassar u Sandro Gatt ressqu din il-mozzjoni.
Fil-mozzjoni qalu li jidhrilhom li d-deċiżjoni li ż-Żonqor jingħata għall-iżvilupp kienet waħda żbaljata, u għalhekk m’għandhiex tibqa’ f’idejn Sadeen Education Investment.
Talbu wkoll li kif l-art terġa’ tiġi f’idejn il-Gvern, jibda rinnovar estensiv fil-pixxina li hemm, u b’hekk jiġi evitat li jkollha tinbena mill-ġdid fil-bajja, deskritta “pittoreska” ta’ Wied il-Għajn.
L-istqarrija tkompli tgħid li l-kunsilliera kollha tal-Partit Laburista, għajr għall-Viċi-Sindku Desiree Attard, ivvutaw kontra.
Skont il-PN, il-Gvern qed iwebbes rasu kontra r-residenti tal-lokal, għax qal li hu ċar li Sadeen ma teħtieġx din l-art.
Iġġustifika dan l-argument billi semma n-numru żgħir wisq ta’ studenti li hemm jattendu l-kampus ta’ Bormla, u t-tkeċċija riċenti ta’ ħafna mill-istaff.
Aqra l-mozzjoni bil-Malti minn hawn taħt.