Il-kunsilliera tal-Partit Nazzjonalista fil-Furjana ressqu mozzjoni sabiex triq f’Balzunetta, minn fejn hu Prof. Oliver Friggieri, tissemma għalih.
Huwa miet is-Sibt, 21 ta’ Novembru, fl-età ta’ 73 sena. Jumejn ilu ngħata l-aħħar tislima waqt funeral li ġie organizzat mill-Istat.
Fi stqarrija ġie spjegat li mal-aħbar tal-mewt ta’ Prof. Friggieri s-Sibt li għadda, il-kunsilliera James Aaron Ellul u Justine Palmier ressqu mozzjoni biex fil-laqgħa li jmiss tal-Kunsill Lokali tal-Furjana tibda l-ħidma biex triq f’Balzunetta tkun imsemmija għall-kittieb u akkademiku Furjaniż.
Il-mozzjoni tinkludi wkoll proposta li mal-post fejn għex u trabba titwaħħal irħama f’ġieħu.
Il-kunsilliera tal-PN fil-Furjana wrew tama li l-Kunsill Lokali kollu jappoġġja din il-mozzjoni.
Prof. Friggieri kellu għal qalbu raħal twelidu. Fil-ġabra ta’ novelli Stejjer għal Qabel Jidlam, l-istejjer huma msejsa fuq nies li kien jaf minn Balzunetta.
Il-Prim Ministru Robert Abela inkariga lil Heritage Malta sabiex isir monument f’ġieħ il-poeta.