Il-ġimgħa d-dieħla l-Parlament jiddeċiedi dwar mozzjoni tal-Oppożizzjoni

Mozzjoni mressqa mill-Oppożizzjoni Nazzjonalista biex twaqqaf avviż legali milli jidħol fis-seħħ, li bih il-Gvern kien qed ibiddel l-Istitut għall-Edukazzjoni f’Aġenzija għall-Edukazzjoni, mistennija tkun megħluba fil-Parlament b’vot li jittieħed nhar it-Tnejn li ġej.
Fil-bidu tad-dibattitu, il-kelliema tal-Oppożizzjoni għall-Edukazzjoni, Therese Comodini Cachia, qalet li l-pjan tal-Gvern li jbiddel bord ta’ tmexxija magħmul minn esperti fl-edukazzjoni għal aġenzija mmexxija minn kap eżekuttiv, huwa pass kbir lura fil-qasam edukattiv.
Min-naħa tiegħu, il-Ministru tal-Edukazzjoni Evarist Bartolo ddefenda ruħu billi qal li l-bord tat-tmexxija ma kienx qed jiffunzjona sew peress li r-rappreżentanti tal-istakeholders ma jkunux qed jiġbdu ħabel wieħed u dan kien qed iwaħħal ix-xogħol tal-Istitut għall-Edukazzjoni.
Huwa qal li dan it-tibdil huwa neċessarju biex it-taħriġ li jingħataw l-għalliema jkun ta’ livell li jixraq lill-klassijiet tal-edukaturi professjonali.
Il-Ministru Bartolo qal li l-kritika li qed isir mill-Oppożizzjoni, li l-Gvern qed joħroġ bi quick-fix u easy rides biex isolvi l-problema ta’ nuqqas ta’ għalliema ma kinitx aċċettabbli. Huwa qal li l-Istitut din is-sena organizza 63 kors wara li rċieva 140 applikazzjoni minn persuni biex jgħallmu dan il-korsijiet.
Huwa qal li meta sentejn ilu l-Gvern ħareġ bl-idea tal-Istitut qatt ma bassar li l-interess tal-istituzzjoni li kienu qed jirrappreżentaw il-membri tal-bord, kienu se jieħdu preċedenza fuq l-interess komuni tal-edukazzjoni.
Dr Comodini Cachia qalet li din hija mossa tal-Ministru tal-Edukazzjoni biex ikollu kontroll assolut fit-tfassil għall-politika fil-qasam edukattiv f’pajjiżna.
L-Oppożizzjoni qalet li l-avviż legali ddaħħal mill-Gvern baxx baxx minn wara dahar kulħadd meta l-Parlament kien magħluq għall-btajjel tas-sajf.
Hija qalet li l-awtonomija tal-Istitut għall-Edukazzjoni ġiet mhedda, fejn minflok id-deċiżjonijiet jittieħdu minn bord ta’ rappreżentanti ta’ kull sfera u livell fil-qasam tal-edukazzjoni, issa d-deċiżjonijiet se jaqgħu f’idejn il-Ministru.
Fid-diskussjoni tal-mozzjoni ħadu sehem ukoll id-deputati nazzjonalisti Fredrick Azzopardi u Karl Gouder għan-naħa tal-Oppożizzjoni filwaqt li għan-naħa tal-Gvern tkellmu s-Segretarju Parlamentari Deo Debattista u d-deputat Stefan Zrinzo Azzopardi.