Mozzjoni li tipprojbixxi l-mutilazzjoni ġenitali femminili

Il-Grupp Parlamentari Laburista ressaq mozzjoni biex jemenda l-Kodiċi Kriminali dwar il-mutilazzjoni ġenitali tan-nisa. Il-mozzjoni tressqet mid-Deputat Chris Fearne. 

Il-mutilazzjoni ġenitali hija prattika li tiġri fuq bniet żgħar, ġeneralment minn persuni li mhux medikament kwlifikati, mingħajr loppju u faċilitajiet sanitarji.

Fearne qal li din il-prattika ssir f’ħafna pajjiżi Afrikani. 

Minkejja li mhix fil-kultura Maltija, il-Maltin qed jitħalltu ħafna, dan ukoll minħabba l-immigrazzjoni irregolari, minħabba f’hekk, saħaq Chris Fearne, hawn min diġa għadda minnha. 

It-Tabib Fearne enfasizza li s’issa m’hawnx liġi li twaqqaf il-mutilazzjoni ġenitali milli ssir u kien għalhekk li ħass li jressaq din il-mozzjoni biex din ma ssirx fuq it-tfajliet Maltin u dawk li jghixu f’Malta.

Chris Fearne iddeskriva li jekk din il-prattika ssir minn Malti f’pajjiż ieħor xorta tkun qed tikser il-liġi Maltija.

Huwa saħaq li dan il-kunċett extra territorjali se jkun qed jagħmel dan il-fattur ċar.

Jekk xi ħadd jgħin jew iħajjar lil xi ħadd ukoll se jkun qed jikser il ligi.

Il-Grupp Parlamentari Laburista ħabbar ukoll li se jkun qed iressaq emenda dwar iż-żwieġ sfurzat.

Dan ir-reat se jibda jġorr piena ta’ erba’ snin priġunerija.