Mozzjoni għall-ħolqien ta’ Kummissarju tal-Istandards fil-Ħajja Pubblika

L-Oppożizzjoni mmexxija mill-Kap tal-Partit Nazzjonalista Simon Busuttil ippreżentat mozzjoni lill-Ispeaker tal-Parlament Anġlu Farruġia.

Din il-mozzjoni qed titlob għall-ħolqien ta’ Kummissarju tal-Istandards fil-Ħajja Pubblika.

Il-mozzjoni titlob li dan il-Kummissarju jkun responsabbli fost l-oħrajn mill-aġġornament tal-Kodiċi ta’ Etika għall-Membri Parlamentari u rappreżentanti oħra tal-Gvern.

Dan għandu jiġi elett biż-żewġ terzi tal-Kamra tar-Rappreżentanti.

Il-mozzjoni titlob ukoll għall-ħolqien ta’ Kumitat tal-Kamra immexxi mill-Ispeaker, li qabel il-15 ta’ Diċembru jħassal rapport għat-twaqqif tal-Kummissarju filwaqt li josserva l-andament tal-ħidma tiegħu.

Il-Kap tal-Oppożizzjoni Simon Busuttil qal li qabel l-elezzjoni l-Prim Ministru Joseph Muscat kien qal li se jirrevedi l-Kodiċi tal-Etika tal-Ministri u s-Segretarji Parlamentari.

Qal li wara l-elezzjoni minflok kien hemm Ministri u Segretarji Parlamentari li ġew eżentati mill-josservaw il-Kodiċi tal-Etika.

Simon Busuttil qal li fl-aħħar jiem seħħew numru ta’ każi li jqajmu numru ta’ mistoqsijiet dwar l-imġieba ta’ Membri Parlamentari.

Busuttil qal li l-Membri Parlamentari jistgħu jissejħu onorevoli biss jekk l-imġieba tagħhom tkun waħda eżemplari.

Simon Busuttil ikkritika wkoll l-ingaġġ ta’ Sia Mizzi Liang, mart il-Ministru Konrad Mizzi, fil-Malta Enterprise.