Mozzjoni biex 3 imħallfin ikomplu dak li bdiet Daphne

L-Oppożizzjoni Nazzjonalista ppreżentat mozzjoni fil-Parlament  biex issir investigazzjoni dwar kull allegazzjoni li għamlet il-ġurnalista assassinata Daphne Caruana Galizia fil-konfront ta’ uffiċjali pubbliċi u entitajiet tal-Gvern.
Il-mozzjoni tressqet mid-Deputat tal-Oppożizzjoni Chris Said fil-Parlament illejla. Il-mozzjoni titlob biex jinħatar Bord ta’ Inkjesta sabiex jinvestiga dawn l-allegazzjonijiet u anke oħrajn.
L-Oppożizzjoni qed titlob li l-Bord ta’ Inkjesta jkun magħmul minn tliet imħallfin irtirati maħtura mill-Prim Ministru wara li jkun hemm qbil fuqhom minn żewġ terzi tal-Kamra.
L-Oppożizzjoni qed tgħid li dan il-Bord għandu jinvestiga u jeżamina l-imġiba ta’ uffiċjali pubbliċi u uffiċjali u impjegati ta’ kull korp imwaqqaf b’liġi fid-dawl tal-allegazzjonijiet li saru dwarhom fil-kitbiet tal-ġurnalista assassinata Daphne Caruana Galizia.
Il-Bord qed jintalab ukoll jeżamina t-tmexxija ta’ kull dipartiment tal-Gvern jew ta’ kull korp imwaqqaf b’liġi inkluż il-Korp tal-Pulizija, l-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali u tal-Aġenzija tal-Gvern kontra l-Ħasil tal-Flus (FIAU) li dwarhom għamlet allegazzjonijiet Caruana Galizia.
Il-mozzjoni tgħid li l-Bord għandu wkoll jiddetermina x’atti ta’ korruzzjoni, abbużi ta’ poter jew reati oħra twettqu mill-imsemmija persuni  u entitajiet.
L-Oppożizzjoni saħqet li l-Prim Ministru għandu jipprovdi lill-Bord ta’ Inkjesta r-riżorsi kollha li fil-fehma tal-istess Bord ikunu meħtieġa sabiex iwettaq l-inkarigu mogħti lilu.
Il-mozzjoni tgħid ukoll li għandu jiġi ppreżentat ir-rapport sħiħ lill-Prim Ministru u lill-Ispeaker tal-Kamra tad-Deputati tal-kamra fl-istess ħin mhux aktar tard minn sitt xhur oħra. Il-mozzjoni ttemm tgħid li l-istess rapport għandu jiġi ppublikat minnufih u b’mod sħiħ mill-Iskrivan tal-Kamra.
L-Uniku investigazzjoni nieqsa hija dik fil-konfront ta’ Delia – PL
Il-PL stqarr li l-uniku investigazzjoni nieqsa hija dik fil-konfront tal-Kap tal-Oppożizzjoni, Adrian Delia, li mar jiġri jirtira l-libelli.
Fi stqarrija, il-Partit Laburista (PL) qal li jħares ‘il quddiem għad-diskussjoni tal-mozzjoni mressqa minn Chris Said.
Madanakollu, il-PL saħaq li f’dan il-mument ikun għaqli li wieħed iħalli l-Maġistrat li qed jinvestiga l-qtil jagħmel xogħlu.
Il-Partit żied jgħid li fuq inizjattiva ta’ Dr Simon Busuttil, qed isiru fil-Qorti numru ta’ inkjesti li huma simili għal dak li qed titlob  il-mozzjoni mressqa minn Chris Said. Skont il-PL il-Prim Ministru stess talab lill-Qorti biex tappunta Maġistrat indipendenti biex jinvestiga l-allegazzjonijiet foloz kontrih u kontra familtu.
Il-PL jemmen li kien ikun aħjar li l-mozzjoni ntbagħtet dirett lill-Kap tal-PN, Adrian Delia għaliex huwa ċar kemm hi diretta kontrih.