Aġġornata: Jason Micallef kontra rikonoxximent tal-‘monument ta’ Daphne’

Iċ-ċerpersin tal-Fondazzjoni Valletta 2018 Jason Micallef qal li se jkun qed jopponi kull tentativ biex li l-monument tal-assedju l-kbir jiġi rikonoxxut ukoll bħala monument għall-ġurnalista assassinata Daphne Caruana Galizia.

Micallef qal hekk wara li l-Kunsilliera Laburisti tal-Belt Valletta ppreżentaw mozzjoni biex il-messaġġi, xemgħat, u fjuri ddedikati lill-ġurnalista assassinata Daphne Caruana Galizia jitneħħew mill-monument tal-assedju l-kbir fil-Belt. Madanakollu, inNetwerk tas-Soċjetà Ċivili trid li jiġi rikonoxxut.

Il-mozzjoni li qed tiġi proposta mill-Kunsillier Ray Azzopardi tgħid li dan il-monument huwa wieħed Nazzjonali u mhux qabar personali. Azzopardi qal li l-monument jagħti ġieħ lil dawk li tqabdu waqt l-Assedju l-Kbir għal poplu Malti kollu.

F’reazzjoni għal dan, inNetwerk tas-Soċjetà Ċivili appellat lill-Kunsill Lokali tal-Belt biex jirrikonoxxi l-mafkar ta' Daphne Caruana Galizia. In-Netwerk qalet li ma taqbilx mal-mozzjoni ta' Azzopardi.

Fi stqarrija, in-Netwerk qalet li l-mafkar twaqqaf min-nies għan-nies u li qiegħed hemm biex iffakkar lill-pubbliku dwar l-assassinju brutali tal-ġurnalista investigattiva Daphne Caruana Galizia. 

In-Netwerk kompla jgħid li qiegħed fil-proċess li japplika formalment biex jitwaqqaf monument għal Caruana Galizia f'din il-pjazza, biex b'hekk isellmu l-memorja tal-ġurnalista, jitfakkar xogħolha u ikun simbolu li għadhom qed jistennew ġustizzja.

In-Netwerk temm jgħid li l-mafkar il-ġdid se jkun qed isir minn donazzjonijiet tal-pubbliku, biex b'hekk "jibqa' tan-nies u għan-nies".

Il-mozzjoni ta’ Ray Azzopardi qed tiġi ssekondata mill-Kunsillier Mario Camenzuli.

Wara dan, Jason Micallef qal li monumenti storiċi mgħandhomx jiġu ddisprezzati. Huwa qal li l-proposta li l-monument jiġi marbut ma’ Daphne Caruana Galizia mhux aċċettabbli.

Ftit jiem ilu ħareġ filmat li juri mara żżarma l-monument tal-ġurnalista assassinata Daphne Caruana Galizia. It-tifel tal-ġurnalista Matthew Caruana Galizia kien qal li din hija l-istorja tal-ħajja tal-familja Caruana Galizia.