Mozzjoni biex tittieħed lura art bla kumpens

Il-Parlament tal-Afrika t’Isfel għadda mozzjoni biex jieħu lura art minn bdiewa kolonisti mingħajr ma jagħtihom kumpens.
Il-mozzjoni għaddiet b’241 vot kontra 83. Fiha kien propost li Sezzjoni 25 tal-Kostituzzjoni tiġi emendata  biex b’hekk l-art tkun tista’ tiġi esproprjata mingħajr ma jingħata kumpens finanzjarju.
Il-mexxej tal-partit radikali tax-xellug, l-Economic Freedom Fighters (EEF), Julius Malema qal fil-Parlament li jrid jiġi assigurat li tingħata lura d-dinjità ta’ nieshom mingħajr ma jingħata kumpens lill-kriminali li serqulhom arthom.
Il-Kungress Nazzjonali Afrikan (ANC), il-partit fil-Gvern, għamel xi emendi għall-mozzjoni iżda wera l-appoġġ tiegħu. Il-Partit wiegħed riformi biex jindirizzaw id-differenza razzjali li teżisti fil-pussess tal-art. Din id-diskrepanza għadha tipperesisti wara 20 sena mit-tmiem tal-apartejd.
Il-President il-ġdid tal-Afrika t’Isfel, Cyril Ramaphosa, ġimagħtejn ilu qal li hu se jkun qed jgħaġġel it-trasferiment tal-art.
Meta tkellem quddiem il-Kunsill Nazzjonali tal-Provinċji saħaq li jrid isolvi darba għal dejjem il-problema ta’ disparità razzjali li teżisti fil-pussess tal-propjetà. Huwa sostna li ħadd ma għandu għalfejn jippanikja.
Saħaq li l-problema se tkun indirizzata u se jaslu għar-reżoluzzjonijiet biex dan iseħħ.
Ramaphosa sostna li d-dnub oriġinali kien li l-pajjiżhom spiċċa kolonja u dan irid jirrisolva biex b’hekk l-Afrika t’Isfel timxi ‘l quddiem.
Il-Partit tal-Alleanza Demokratika kien kontra l-mozzjoni u qal li l-bidliet f’Sezzjoni 25 se tkun qed timmina d-dritt għall-propjetà u se tgerrex investituri potenzjali.
Dawk li qed jikkritikaw, qabblu din il-mossa bħala waħda li saret minn Żimbabwe. Din kienet spiċċat f’diżastru, ħafna drabi akkumpanjat minn vjolenza u rziezet abbandunati.
Fl-Afrika t’Isfel in-nuqqas ta’ taħriġ għall-bdiewa u l-korruzzjoni jibqgħu ostakli għat-tqassim tal-art.
Il-politika tar-riforma tal-art kienet kritika matul is-snin hekk kif diversi rziezet li ngħataw lill-bdiewa Afrikani ma tħaddmux u ma kinux produttivi.