Mozzjoni biex il-librerija ta’ Ħal Qormi tissemma għal Renald Falzon

Renald Falzon

Il-Kunsillier Qormi Jerome Caruana Cilia ressaq mozzjoni sabiex il-librerija ta’ Ħal Qormi tissemma għal Renald Falzon, is-Sindku ta’ Ħal Qormi li miet il-ġimgħa li għaddiet.

Huwa kellu 46 sena. Miet nhar il-Ġimgħa li għadda meta kien qed jikkumbatti l-coronavirus.

Fuq Facebook, il-Kunsillier Caruana Cilia tkellem dwar kemm hu u Falzon kienu ddiskutew il-bżonn li l-librerija ta’ Ħal Qormi tissebbaħ u titjieb għar-residenti. Semma kif Falzon dejjem impenja ruħu f’dan il-qasam, u saħansitra l-ewwel attività uffiċjali tiegħu bħala sindku kienet sessjoni ta’ qari mat-tfal li jattendu Skolasajf.

Il-Kunsillier qal li tkellem mal-ħaddiema tal-librerija fuq il-proposta tiegħu u dawn qablu miegħu u kkonfermawlu kemm il-mibki Sindku kellu din il-librerija għal qalbu.

LIBRERIJA REĠJONALI – RENALD FALZONKif mistenni hemm qbil ġenerali fostna l-Qriema li lir-Renald Falzon infakkruh u…

Posted by Jerome Caruana Cilia on Monday, November 16, 2020

Il-Prim Ministru Robert Abela, f’kummenti lill-ġurnalisti, illum tenna kemm tilef ħabib kbir meta miet Renald Falzon. Semma kif il-ġimgħa li għaddiet żar lill-pazjenti bil-Covid-19 fis-Sala tal-Kura Intensiva fl-Isptar Mater Dei, fosthom lil Renald Falzon li, iżda, ma kienx f’sensih.