Moviment Graffitti jħeġġeġ lill-pubbliku joġġezzjona għall-proġett f’Fomm ir-Riħ

Moviment Graffitti / Facebook

Moviment Graffitti qiegħed iħeġġeġ lill-pubbliku sabiex joġġezzjona għall-proġett turistiku propost f’Fomm ir-Riħ, peress li llum huwa l-aħħar jum li fih qed jintlaqgħu l-oġġezzjonijiet.

Diversi għaqdiet leħħnu ħsibijiethom kontra l-proposta aktar kmieni dan ix-xahar. Il-proposta hija għall-bini ta’ kumpless turistiku, li qed jiġi rriklamat bħala proġett tal-agrituriżmu. L-għaqdiet appellaw lill-awtoritajiet biex ma jirrovinawx dan il-post li għadu mhux mittiefes. Bil-proġett propost għandhom jitwaqqgħu għadd ta’ binjiet eżistenti sabiex minflokhom jinbnew suites, u tittieħed ukoll art li għadha mhix mibnija. Huma proposti li jinbnew 11-il binja individwali bil-ħġieġ.

L-NGO sostniet li ż-żona tinstab barra miż-żona tal-iżvilupp, u l-Policy Rurali tgħid li żvilupp f’żona ODZ jista’ jsir biss jekk il-proġett jinkludi razzett fl-akkomodazzjoni tal-agrituriżmu. L-iżvilupp propost ma jinkludix razzett, iżda għandu 16-il kamra, kamra tal-ikel, u pixxina ta’ 50 metru kwadru. B’hekk, l-NGO kkonkludiet li l-iżvilupp imur kontra l-Policy.

Apparti dan, hija saħqet li proposta bħal din se tagħmel ħsara, u mhux ġid, lill-industrija tal-agrikoltura.

Kif tista’ tressaq oġġezzjoni?

Wieħed jista’ joġġezzjona jew billi jibgħat email fuq representations@pa.org.mt b'”Objection to PA/09858/19″ bħala s-suġġett tal-email, inkella billi jimla din il-formola.

URGENTWe have formally objected to the so-called “agri-tourism” development that will spell death to the pristine area…

Posted by Moviment Graffitti on Friday, January 31, 2020