Moviment Graffitti bi protesta kontra t-traskuraġni fis-settur tal-kostruzzjoni

Miguela Xuereb

Read in English.

Moviment Graffitti qed jorganizza protesta mhux partiġġjana kontra t-traskuraġni tal-lobby tal-kostruzzjoni, wara li din swiet il-ħajja ta’ Miriam Pace, meta ġġarrfet darha fil-Ħamrun nhar it-Tnejn li għadda.

Miriam Pace kienet mara ta’ 54 sena u omm ta’ żewġ ulied. Il-każ ġara fi Triq Joseph Abela Scolaro. Ġew arrestati sitt persuni b’rabta mal-każ, fosthom il-perit, il-kuntrattur u l-uffiċjal tekniku tas-sit.

Fi stqarrija, l-għaqda mhux governattiva qalet li, “Ir-residenti u ċ-ċittadini jinsabu ostaġġi ta’ grupp ta’ żviluppaturi li jqis ruħu ‘l fuq mil-liġi u li għandu kontroll assolut fuq il-politika, min jagħmilha, u l-awtoritajiet li suppost jamminstrawha.”

Is-Sibt il-protesta se tibda fl-10.30am minn quddiem il-Kulleġġ tas-Subien St Thomas More, f’Santa Venera u se timxi lejn is-sit tat-traġedja fejn se jsiru xi diskorsi.

L-NGO lmentat fuq, “In-nuqqas ta’ infurzar fis-settur, il-liġijiet difettużi, il-libertinaġġ assolut fl-ippjanar, in-nuqqas ta’ sikurezza fis-siti tal-kostruzzjoni, u l-arroganza u l-prepotenza ta’ din il-lobby huma r-riżultat ta’ snin u snin ta’ donazzjonijiet u pressjonijiet fuq il-politika.” Skont l-għaqda, ir-riforma li għamel il-Gvern is-sajf li għadda, ma indirizzatx il-problemi strutturali f’din is-sistema.

Għaldaqstant, l-għaqda qed titlob li tidħol is-serjetà u d-deċenza fl-industrija tal-kostruzzjoni. Huma ppreżentaw proposti għal riforma li ma tħallix il-piżijiet finanzjarji u loġistiċi fuq ir-residenti, li tagħti lill-ħaddiema d-drittijiet u s-sigurtà meħtieġa, li tintroduċi l-liċenzjar tal-kuntratturi u l-iżviluppaturi, kif ukoll sistema ta’ punti u blacklisting.

Ilbieraħ saret protesta siekta quddiem fejn kienet ir-residenza fil-Ħamrun. Il-protesta kienet organizzata minn Repubblika. Għaliha attendew Janet Walker u Caroline Micallef, żewġ nisa li ġġarrfitilhom darhom is-sena li għaddiet, fi Gwardamanġa u Tal-Pietà, rispettivament. Micallef saħqet fuq kif jeħtieġ li l-iżviluppaturi u l-awtoritajiet jieqfu jibbuljaw liż-żgħir.