Repubblika tappoġġja lil Moviment Graffiti fi protesta

Miguela Xuereb

Read in English.

Repubblika qed tesprimi l-appoġġ tagħha għall-protesta li se tkun organizzata mill-Moviment Graffiti nhar it-Tlieta fil-Pieta’.  Fi stqarrija Repubblika stqarret li taqbel mal-Moviment Graffiti li l-iżviluppaturi qegħdin jitħallew jagħmlu li jridu madwar Malta kollha, b’detriment għar-residenti li ta’ kuljum ikollhom jaffaċċjaw strobju eċċessiv, għeluq ta’ toroq, traffiku bla limitu, rimi abbużiv ta’ skart, perikli fiżiċi u l-arroganza ta’ l-iżviluppaturi.

Hija tenniet li wasalna f’punt fejn il-ħajja tal-ħaddiema fis-settur tal-kostruzzjoni qegħdin jiġu sistematikanent sagrifikati billi l-iżviluppaturi qegħdin jiġu jaqgħu u jqumu mir-regoli tas-saħħa u s-sigurtà.

Repubblika tenniet li huwa evidenti li l-Awtorità tal-Ippjanar hija istituzzjoni oħra, li minflok tħares il-ġid komuni, tiffaċilita l-abbuż illeġittimu tar-riżorsi naturali ta’ pajjiżna mill-iżviluppaturi rgħiba.

Il-Prim Ministru u Kap tal-Partit Laburista Joseph Muscat qal li l-passi kollha li ttieħdu u li se jkunu qed jittieħdu fil-qasam tal-kostruzzjoni qed isiru sabiex kemm jista’ jkun titwaqqaf is-sitwazzjoni tal-ħmar iwaħħal f’denbu li qed tinħoloq bejn il-periti, kuntratturi u site managers.