Moviment Graffiti jħeġġeġ biex jitneħħew il-lakuni mill-Policy tal-Pompi tal-Petrol

Moviment Graffiti sodisfatt li l-pressjoni li għamel permezz ta’ diversi azzjonijiet diretti, bl-appoġġ ta’ ħafna organizzazzjonijiet non-governattivi oħrajn kif ukoll ta’ parti kbira mill-pubbliku ġenerali, ħalliet l-effett mixtieq u b’hekk se tiġi riveduta l-Policy tal-Pompi tal-Petrol.

Il-Moviment Graffiti stqarrew li jistgħu jgħaddu ħafna xhur qabel ma jidħlu dawn il-bidliet fis-seħħ; għalhekk, il-Moviment Graffitti talbet lill-Awtorità tal-Ippjanar twaqqaf kull applikazzjoni għall-pompi tal-petrol sakemm il-policy proposta tidħol fis-seħħ. Huma saħqu li l-pompi tal-petrol għandhom ikollhom qies limitati, filwaqt li attivitajiet kummerċjali oħrajn u li għandhom x’jaqsmu mas-servizzi tal-vetturi għandhom joperaw taħt policy kummerċjali.

Il-policy proposta se tippermetti l-aġġornament ta’ faċilitajiet għal servizzi anċillari. Dan jidher li se jagħti lok sabiex il-pompi tal-petrol ikunu jistgħu jespandu għal raġunijiet li m’għandhomx x’jaqsmu mat-tqassim tal-petrol, u b’hekk tinħoloq lakuna oħra li tista’ tiġi sfruttata.  Il-fatt li l-art ODZ tibqa’ disponibbli għall-iżvilupp, minkejja ż-żieda fir-restrizzjonijiet f’dan ir-rigward, ikompli jnaqqas il-valur tad-deżinjazzjoni tal-art ODZ.

Il-Moviment Graffitti tenna li l-art ODZ għandha tibqa’ ODZ, u l-art li diġà ngħatat għall-iżvilupp m’għandhiex tibqa’ tiġi degradata iżda għandha titreġġa’ lura għall-istat naturali tagħha jew tintuża għall-agrikoltura.