Mount St Joseph: Iktar minn 10,000 jiffirmaw il-petizzjoni onlajn

Dawk li ffirmaw il-petizzjoni onlajn kontra l-iżvilupp ta’ shooting range qrib id-Dar tal-Irtiri Mount St Joseph, qabżu l-10,000 waqt li 2,000 oħra ffirmaw il-petizzjoni stampata.
Il-petizzjoni qed tħeġġeġ lill-Gvern biex jirrevedi d-deċiżjoni ta’ għoti ta’ art pubblika fl-inħawi tal-Bużbeżija, biex fuqha u fuq art privata ħdejha jiġu żviluppati sitt shooting ranges fuq medda ta’ 70,000 metru kwadru ta’ art barra ż-żona ta’ żvilupp.
Il-proġett mistenni jestendi sa 110 metru biss ’il barra mill-konfini tad-Dar tal-Irtiri, li ilha 50 sena toffri ambjent ta’ silenzju għal madwar 10,000 persuna fis-sena li jfittxu s-skiet għall-kontemplazzjoni u t-talb.
Il-Provinċjal tal-Ġiżwiti, Fr Patrick Magro, fakkar li d-dar għandha missjoni soċjali u li minkejja li taħdem b’telf, il-Ġiżwiti qed jibqgħu joffru l-ispazju tagħhom għal dawk il-ħafna li jfittxuh.
Fr Magro fakkar li l-Ġiżwiti mhumiex kontra l-iżvilupp ta’ shooting range, imma joġġezzjonaw għall-post magħżul għax se joħloq inkonvenjenza lil dawk kollha li jużaw id-dar. Spjega li l-Ġiżwiti jifhmu l-passjoni ta’ diversi għad-dixxiplini differenti tal-isparar, imma sostna li l-komunità se tibqa’ tipprova tfiehem in-natura tas-servizz offrut mid-Dar tal-Irtiri u għaliex, għalhekk, il-post magħżul għal dan il-proġett mhux adegwat.
Appella biex l-oażi ta’ paċi u trankwillità aċċessibbli għal kulħadd, kif inhi d-dar Mount St Joseph, tibqa’ mħarsa.