“Mort mat-tifla l-isptar, kelli nħalli lil marti f’għadira demm”

Fi skiet taqtgħu b’sikkina, fil-Qorti nstema’ missier imbikkem jirrakkonta kif kienet agunija għalih li kellu jħalli lil martu warajh f’għadira demm biex imur ma’ bintu fl-ambulanza wara l-inċident ta’ Paqpaqli għall-Istrina.
Hekk kif kompliet tinstema’ l-każwa, il-missier Michael Grech qal li l-mawra sa Paqpaqli għall-Istrina, sentejn ilu, bidlet ħajjet familtu ta’ taħt fuq.
Huwa ddeskriva din l-esperjenza bħala ħmar il-lejl.
Spjega li ftit wara li llarga minn ħdejn martu u bintu biex jara l-Porsche 918, sema’ ħoss qawwi ta’ brejkijiet u ra trab itir fid-direzzjoni fejn kien ħalla lil familtu.
L-avukat Michael Grech qal li dlonk telaq jiġri biex jara x’ġara u sab lil bintu ta’ sitt snin mitlufa minnn sensieha u bid-demm ħiereġ minn rasha. Qal li bintu kienet għadha qed tieħu nifs.
Spjega li huwa beda jfittex lil martu fejn ftit wara sabha f’għadira demm fl-art.
Dr Grech qal li minn meta ddaħħlu l-isptar bintu u martu, beda xahar u nofs martirju fl-isptar biex jagħti l-appoġġ lil bintu u lil martu.
Spjega li martu sofriet ksur f’diversi partijiet ta’ ġisimha fosthom ix-xedaq, il-minkbejn, xi kustilji u f’saqajha.
Żied jgħid li martu għadha kostretta tuża siġġu tar-roti u qed tissogra lil titlef sieq.
Dwar bintu, Dr Grech qal li wara li għamlet ħamest ijiem fl-ITU bdiet titkellem. Minkejja dan, huwa spjega li bintu baqgħet issofri minn diversi kumplikazzjonijiet mediċi u għandha mobbiltà limitata minħabba l-ġrieħi li ġarrbet.
Fil-Qorti nstemgħet ukoll x-xhieda tal-Pulizija li mexxew l-investigazzjonijiet.
L-Ispettur Silvio Magro qal li ma setax imur għal-laqgħa tal-kumitat tal-avveniment qabel ma saret Paqpaqli għall-Istrina. Spjega li marret pulizija oħra u li kienet qaltlu li se jsegwu l-proċeduri tas-snin ta’ qabel. Dan kien ifisser li l-pulizija kellha tieħu ħsieb il-folla u t-traffiku.
Spjega li meta spezzjona l-post fejn saret l-attività qabel ma bdew jidħlu n-nies, ma nnota ebda possibilta ta’ riskji. Żied jgħid li anqas il-Protezzjoni Ċivili ma ġibdulu l-attenzjoni dwar xi nuqqasijiet fejn tidħol is-saħħa u s-sigurtà.