Morna pass lura minħabba nuqqas ta’ dixxiplina u infurzar – Il-Kamra tal-Kummerċ

Miguela Xuereb

Il-Kamra tal-Kummerċ Maltija qalet li n-nuqqas ta’ dixxiplina u infurzar waslu sabiex il-pajjiż jagħmel pass lura ħalli jkompli l-battalja tiegħu mal-coronavirus.

Dan qalitu fi stqarrija wara l-aħbar tal-bieraħ fejn minn għada se jkollhom jingħalqu nightclubs, boat parties, discos, bars u każini fost miżuri oħrajn li se jkunu qed jidħlu fis-seħħ. Il-Kamra qalet li tilqa’ l-miżuri mħabbra mill-awtoritajiet tas-saħħa. Spjegat li qabel kienet talbet linjigwida aktar ċari biex ikunu segwiti min-negozji sabiex tkun assigurata s-saħħa pubblika. Qalet li l-aħbar tal-bieraħ biċ-ċert taraw li tkun imħarsa s-saħħa pubblika. Insistiet li negozji u s-saħħa pubblika għandhom jaħdmu id f’id.

Il-Kamra tal-Kummerċ sostniet li tifhem li hemm bżonn restrizzjonijiet f’postijiet fejn ikun servut l-akoħol u restrizzjonijiet oħra mħabbra. Irrimarkat li dan kien hemm bżonn li jsir minħabba n-nuqqas ta’ dixxiplina u infurzar ta’ ċerti setturi tal-ekonomija u l-pajjiż inġenerali. Insistiet li hi dejjem emfasizzat li l-kontinwazzjoni tal-operazzjonijiet kummerċjali tiddependi fuq responsabbiltà kollettiva u infurzar adegwat. “Huwa ta’ dispjaċir kbir li minħabba nuqqas ta’ apprezzament u l-ingaġġ ta’ dawn iż-żewġ affarjiet wassal għall-pass inevitabbli lura,” qalet il-Kamra tal-Kummerċ.

Kompliet billi qalet li tilqa’ l-impenn tal-Gvern sabiex l-iskejjel jerġgħu jinfetħu minn Settembru li ġej. Qalet li temmen li l-ftuħ tal-iskejjel huwa kruċjali mhux biss sabiex l-ekonomija tkun tista’ tiffunzjona kif suppost, iżda biex tassigura li l-ġenerazzjonijiet future ma jsofrux nuqqasijiet fl-edukazzjoni tagħhom li jipperikolaw il-futuri tagħhom u r-riżorsi umani futuri tal-pajjiż.

Il-Kamra tal-Kummerċ talbet sabiex kulħadd jieħu din is-sitwazzjoni bħala lezzjoni. “Il-mexxejja, in-negozjanti u ċ-ċittadini jridu jifhmu li din hija sitwazzjoni gravi u volatile u għandhom jaħdmu flimkien biex ma jkunx hemm aktar miżuri tat-tip,” insistiet il-Kamra.

Intant, talbet sabiex il-Gvern jippjana strateġija ta’ ħruġ mir-restrizzjonijiet kurrenti b’passi meqjusa li jikkomplementaw lil xulxin u lil setturi oħrajn tas-soċjetà u tal-ekonomija.