Iktar embrijuni: Ma jgħaddux mill-bieb, jgħaddu mit-tieqa

Read in English.

Nhar it-Tlieta 19 ta’ Ġunju l-Parlament se jkun qed jieħu vot finali dwar l-emendi għal-Liġi tal-Protezzjoni tal-Embrijuni li se jżid l-ammont ta’ embrijuni ffriżati.

Apparti minn xi tibdil li jinkludi d-dritt ta’ tfal addottati li jkunu jafu min huma l-ġenituri bijoloġiċi tagħhom meta jagħlqu t-18-il sena, din il-liġi pposponiet l-introduzzjoni tal-kiri tal-ġuf.

Filwaqt li nżamm il-prinċipju tal-iffriżar tal-embrijuni minflok l-iffriżar tal-gameti li mhuwiex kontroversjali, fl-aħħar minuta l-Gvern żied in-numru ta’ embrijuni li jistgħu jiġu ffriżati minn tlieta għal ħamsa.

Il-Ministru għas-Saħħa Chris Fearne qal li din iż-żieda saret biex in-numru ta’ embrijuni ffriżati jonqos.

Il-Membru Parlamentari tal-Oppożizzjoni Claudio Grech qal li l-iffriżar tal-embrijuni għandu jkun l-eċċezzjoni u mhux ir-regola.

F’reazzjoni għall-vot li ttieħed fl-istadju ta’ kumitat il-Fondazzjoni Life Network Malta qalet li tinsab “ferm diżappuntata”.

Tliet għaqdiet favur il-ħajja kitbu ittra lill-President ta’ Malta Marie-Louise Coleiro Preca biex jitolbuha tiltaqa’ magħhom b’mod urġenti minħabba l-emendi proposti għal-Liġi tal-Protezzjoni tal-Embrijuni.