Moody’s jgħid li l-ekonomija Maltija se tirritorna għat-tkabbir fl-2021

Read in English.

L-aġenzija tar-ratings Moody’s qalet li l-ekonomija Maltija se tkun qed tirritorna għat-tkabbir fis-sena 2021.

Dan ħareġ minn stqarrija tal-Gvern b’reazzjoni għal rapport li għamlet l-aġenzija fuq l-andament ekonomiku u soċjali fil-pajjiż. Jidher li l-analisti tal-aġenzija tal-kreditu faħħru r-riformi kostituzzjonali li introduċa l-Gvern.

Il-Gvern Malti qal li Moody’s sostniet li d-dħul ta’ liġijiet ġodda abbażi tar-rakkomandazzjonijiet tal-Kummissjoni Venezja huwa sinjal tad-determinazzjoni tal-Prim Ministru Robert Abela fil-ħidma tiegħu biex iwettaq tibdiliet istituzzjonali. Il-Gvern qal li fir-rapport tagħhom l-esperti ta’ Moody’s jagħtu rating ta’ A2 lill-istituzzjonijiet Maltin u lil-livell ta’ governanza tajba.

Fejn jidħol l-aspett ekonomiku, skont il-Gvern, ir-rapport jgħid li filwaqt li l-coronavirus se jħalli impatt ekonomiku, qed jistennew li l-impatt tax-xokk se jkun wieħed temporanju u l-ekonomija Maltija se tmur lura għat-tkabbir fl-2021.

Intant qal ukoll li l-esperti ta’ Moody’s ikkonfermaw li r-rating ta’ Malta għandu prospetti stabbli minħabba dan, kif ukoll għax qed jistennew li t-titjib istituzzjonali se jkompli.

Il-Gvern laqa’ dan il-vot ta’ fiduċja fil-ħidma ekonomika u istituzzjonali li saret fl-aħħar xhur, u qal li se jibqa’  kommess li jkompli jwettaq aktar riformi.