Moody’s issostni li Malta għandha ekonomija b’saħħitha

L-aġenzija ta’ kreditu internazzjonali Moody’s ikkonfermat li l-ekonomija ta’ Malta sejra tajjeb, speċjalment minħabba t-tkabbir fl-azjendi tas-servizzi.
Moody’s qalet li s-sorsi ta’ tkabbir ekonomiku huma aktar bilanċjati issa meta mqabbla mas-snin ta’ qabel. Dan għaliex it-tkabbir ġej mill-konsum privat u l-investiment.
L-analisti ta’ Moody’s sostnew li d-domanda domestika saret sors ewlieni ta’ tkabbir ekonomiku. Fost il-kawżi ewlenin isemmu t-tnaqqis fir-rati tat-taxxa tad-dħul, prezzijiet orħos tal-fjuwil, traħħis fil-kontijiet tad-dawl u l-ilma, kif ukoll l-investiment fis-settur tal-enerġija.
Skont Moody’s, din l-ekonomija b’saħħitha qed twassal għal tnaqqis qawwi fir-rata ta’ qgħad f’Malta.