Moody’s tikkonferma “t-tkabbir b’saħħtu” tal-ekonomija Maltija

L-aġenzija tal-kreditu Moody’s reġgħet ikkonfermat ir-rata ta’ A3 tal-ekonomija Maltija.
Ir-rata ngħatat fuq bażi ta’ “tkabbir b’saħħtu” tal-ekonomija u l-aċċess tal-gvern għal finanzjar domestiku ibbażat  fuq bażi għolja f'dawk li huma depożiti.
Fost l-isfidi li Moody’s tara għall-ekonomija ta’ Malta hemm: id-dejn tal-Enemalta, id-dejn tal-pajjiż – li jlaħħaq is-70% tal-Prodott Gross Domestiku kif ukoll id-dipendenza tal-gvern fuq l-iffinanzjar domestiku li jagħmlu vulnerabbli għas-saħħa bankarja.
Moody’s qed tbassar li fl-2015, id-defiċit se jonqos għal 1.7% u li t-tkabbir ekonomiku ta’ Malta se jkun ta’ 2.8%. 
Qalet li minkejja ċ-ċokon tagħha, l-ekonomija Maltija rnexxielha tegħleb l-kriżi finanzjarja u dan permezz tas-settur turistiku u anke dak tas-servizzi.
L-aġenzija laqgħet l-inizjattivi biex jonqsu l-problemi fis-setteru tal-enerġija u anke ż-żieda fil-parteċipazzjoni tan-nisa u ż-żgħażagħ fis-suq tax-xogħol.
Fir-rapport ta’ Moody’s hemm imniżżel li l-iskeda taċ-ċittadinanza mistennija tiġġenera dħul ta’ 0.57% tal-PGD u li ż-żieda fl-età ta’ irtirar, wara r-riforma tal-pensjoni fl-2006, se tħalli 0.14% aktar fil-PGD f’kontribuzzjonijiet ta’ assigurazzjoni nazzjonali.

Reazzjoni PN
Fi stqarrija l-Partit Nazzjonalista qal li jilqa’ b’sodisfazzjoni id-deċiżjoni ta’ Moody’s.
Il-Partit Nazzjonalista jsostni li l-istess aġenzija internazzjonali tikxef l-ingann tal-Gvern fuq il-power station u xjettiċiżmu dwar ir-riformi u d-dejn tal-pajjiż.