Monument ġdid ta’ San Ġwann Bosco

Is-Sena Biċentinarja mit-Twelid ta’ San Ġwann Bosco qed tasal fi tmiemha.
F’din l-okkażjoni, l-Oratorju Don Bosco ta’ Għawdex se jkun qed jinawgura mafkar ġdid ta’ Don Bosco li se jitqiegħed mal-faċċata tal-kappella li tagħti għall-grawnd tal-Oratorju.
Dan il-mafkar, xogħol tal-artist għawdxi John Grima, huwa replika fil-fibre tal-monument fil-bronz li kien inawgurat ġewwa Turin f’Mejju li għadda u li sar biex ifakkar liż-żewġ saċerdoti Għawdxin, Dun Joe Galea u Dun Joshua Muscat, li ispirati minn Don Bosco ħadmu f’Turin mat-tfal u ż-żgħażagħ.
Din ir-replika qed issir grazzi għall-Kumitat li kien twaqqaf apposta ġewwa Għawdex biex ifakkar dawn iż-żewġ saċerdoti.
Il-mafkar li qed isir Għawdex għandu l-għan ukoll li jfakkar lil dawk is-saċerdoti li, ispirati minn Don Bosco u s-sistema preventiva tiegħu, ħadmu u għadhom jaħdmu mat-tfal u maż-żgħażagħ f’Għawdex.
Il-monument qed ikun inawgurat ukoll fil-ħamsin anniversarju mill-bini ta’ din l-istess kappella tal-Oratorju.
L-inawgurazzjoni tal-mafkar se ssir nhar il-Ħadd li ġej 22 ta’ Novembru.
Fl-10.30 ta’ filgħodu, l-Isqof ta’ Għawdex Mario Grech se jmexxi Quddiesa fil-kappella tal-Oratorju u ssir l-inawgurazzjoni tal-monument.