Monte Karmeli: “Pazjenti jinħaslu quddiem xulxin bil-kiesaħ fix-xitwa”

L-eks COO tal-Isptar Monte Karmeli, Paul Dalli, irrakkonta lill-Kumitat Parlamentari l-istat diżastruż li kien fih l-isptar sentejn ilu. Huwa rrakkonta kif il-pazjenti kellhom jinħaslu għarwenin quddiem xulxin bil-kiesaħ fix-xitwa qalila tal-2016-2017.

Dan ingħad meta nhar l-Erbgħa, Paul Dalli, l-eks Chief Operations Officer (COO) tal-Isptar Monte Karmeli, tkellem mal-Kumitat Parlamentari mmexxi mill-Membru Parlamentari Beppe Fenech Adami dwar il-kuntratt tas-servizzi klerikali ġejjin minn barra (outsourced clerical services) mal-kuntrattur JF Services, li sar rapport dwaru mill-Uffiċċju Nazzjonali tal-Awditur (NAO). Dalli okkupa din il-kariga bejn Diċembru tal-2016 u Jannar tal-2018. Skont ir-rapport, l-NAO kienet infurmata li l-immaniġġjar ta’ dan il-kuntratt kien jaqa’ taħt Dalli stess, iżda Dalli stqarr li hu ma kienx responsabbli tal-kuntratt imma biss kien jagħmel użu minnu, peress li dan kien ġie ffirmat mill-amministrazzjoni ta’ qablu.

“Meta tara l-qagħda ta’ fiex kienu l-pazjenti ma tara xejn iżjed quddiem għajnejk” 

Paul Dalli rrakkonta kif huwa ġie dahru mal-ħajt meta ħa t-tmexxija tal-isptar f’idejh u ried jara kif jagħmel biex jirranġa l-infrastruttura tiegħu, peress li skontu, l-isptar kien f’sitwazzjoni “diżastruża.”

Qal li kienet sitwazzjoni li kellu jaffaċċja ta’ kuljum, li pereżempju tagħmel ix-xita, u jispiċċa jidħol l-ilma fil-main switches tas-swali. Din is-sitwazzjoni ddeskriviha bħala “management by crisis.” Biex isolvi s-sitwazzjoni huwa beda jħaddem lil ħafna nies f’daqqa, tant li l-awditur innota li kien hemm żieda sinifikanti ta’ ħaddiema minn barra f’Mejju u Ġunju tal-2017.

“Bla misħun, madum maqlugħ u mxaqqaq”

Spjega li kien hemm tmien swali li ma kellhomx misħun u l-pazjenti fihom qattgħu xhur sħaħ jinħaslu bil-kiesaħ f’xitwa li hu ddeskriva bħala “qalila.” Dalli qal li kien hemm konsulent anzjan li kien qallu li dan kien jaffettwahom ħażin meta jieħdu l-mediċina, peress li din taffettwa bil-kontra meta huma jkunu fil-kesħa u ma jinżammux sħan. Dalli nnota li permezz tal-ingaġġament ta’ numru kbir ta’ nies, huwa rnexxielu jġibilhom il-misħun f’qasir żmien.

Apparti mill-problema tal-ilma, kien hemm ukoll dik tal-madum imkisser. Il-kmamar tal-banju kellhom l-art mifqugħa, biċ-ċeramika tal-madum imxaqqgħa u maqlugħa, li biha, qal Dalli, wieħed seta’ jaqla’ l-arterji ta’ saqajh.

Fenech Adami tkellem f’isem il-Kumitat meta qal li assolutament mhuwiex aċċettabbli li fl-2016 ma jkunx hemm misħun fl-isptar.

Fl-istess diskussjoni ssemmew is-CVs u d-dokumenti ta’ dawk li Dalli intervista u impjega f’dan il-perjodu, li ma nstabux meta l-awditur fittixhom l-uffiċċju li kellu Dalli fl-isptar, minkejja li Dalli qal li kellhom ikunu hemm. Dalli qalilhom li jekk ifittxu, madankollu, se jsibu t-travi mxaqqin u neżlin, u s-soqfa li tranġaw.

“Il-Gvern iħaddem lil ta’ ġewwa; lill-pazjenti ta’ Monte Karmeli jħallihom ibatu” – PN

F’April, il-Partit Nazzjonalista kkundanna l-aġir tal-Gvern, li skontu, daħħal iħaddem f’faċilitajiet tas-saħħa mentali lil nies li kienu viċin tiegħu, għad-detriment tal-persuni li jsofru bi problemi tas-saħħa mentali. Dan wara li fil-midja dehru rapporti li jgħidu li s-soqfa fl-Isptar Monte Karmeli huma f’kundizzjoni ħażina.

Filmat: Partijiet perikolużi f’Monte Karmeli evakwati

Fl-istess perjodu, il-Ministru għas-Saħħa Chris Fearne qal li partijiet mill-isptar kienu qed jiġu evakwati sabiex isiru t-tiswijiet meħtieġa, partikolarment fis-soqfa, iżda insista li l-pazjenti huma f’ambjent sigur.